Ambjent Lokali

Wied Qirda wkoll jintlaqat mill-qerda tal-Gvern

Ħalfu li jeqirdu Wied Qirda wkoll. Uliedna dalwaqt jibdew jaraw is-siġar fuq l-istampi biss.

Hekk kiteb, fuq Facebook, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fid-dawl tal-pjan tal-Gvern li jeqred parti minn wied ieħor, din id-darba fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ.

L-aġenzija tal-Gvern Infrastructure Malta trid li t-trejqa f’dan il-wied titwessa’, anke jekk askapitu tas-sbuħja li jgawdu minnu dan il-Wied u dawk kollha li jżuruh.

Anke l-ġurnal The Malta Independent, fl-Editorjal, ikkummenta dwar dan l-iżvilupp, tant li nnota kif fost dawk li qed joġġezzjonaw hemm ukoll il-Kunsill Lokali Żebbuġi, immexxi minn maġġoranza Laburista, u anke għadd ta’ NGOs.

Min-naħa tiegħu, fuq Facebook, is-Sindku Laburista Malcolm Paul Galea qal li ma jistax jaċċetta li biex isir xi xogħol jitqaċċat ħarrub protett u minflok, isir l-asfalt. Hu appella biex il-wied jibqa’ wied u ma ssir l-ebda trejqa fih.

Appella wkoll biex ma jsirx dawl għax dan jagħmel ħafna ħsara lill-fawna u l-flora tal-wied, li għandhom bżonn dlam f’waqtu biex jibqgħu jgħixu.

Il-ġurnal qal li dawk li qed joġġezzjonaw qed jgħidu lil Infrastrucure Malta biex tħalli dan il-wied bi kwietu. Anke r-residenti jidher li qed jaqblu mal-istess oġġezzjoni, għalkemm dwar dan kollu hawn skiet assolut.

Fil-fatt, la l-Ministru Jose’ Herrera, la l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u lanqas Ambjent Malta ma għadhom nisslu kelma dwar dan il-pjan għal sfreġju.

Fit-tnedija ta’ Ambjent Malta, f’Awwissu tas-sena li għaddiet, il-Ministru Herrera qal li din ma kellhiex tkun biss slogan għal fuq il-billboard, iżda aġenzija li timmira biex ittejjeb ħajjet in-nies u l-ambjent ta’ madwarna.

Quddiem dan is-skiet li jtarrax, il-ġurnal tenna l-mistoqsijiet: fejn spiċċaw il-Ministru, l-Awtorità tar-Riżorsi u l-Ambjent, kif ukoll Ambjent Malta?