Futbol Sport

Żejtun Corinthians waħedhom fit-tieni post u Naxxar jirritornaw għar-rebħ

(Ritratt: Trevor Sollars)

VITTORIOSA STARS …………………. 1

ŻEJTUN CORINTHIANS …………….. 3

Vittoriosa: Z. Valletta, C. Spiteri (K. Abela 63’), J. Briffa, D. Tabone. J. Pace (A. Ellul 86’), A. Galea, O. Sidibe, O. Guerrero, R. Sgaria Farias, L. Casha, L. Moad (I. Curmi 63’).

Żejtun: C. Cassar, K. Farrugia, J. Busuttil, J. Cassar, A. Carabott (J. Galea 70’), D. Agius, J. Ogunnupe, J. Suda (G. Azzopardi 88’), R. Do Nascimento (R. De Fex  73’), M. Pereira Muniz, N. Tabone

Referee: Philip Farrugia

Żejtun qabżu waħedhom fit-tieni post tal-klassifika b’rebħa faċli kontra t-tim tal-qiegħ Vittoriosa Stars, f’logħba li ż-Żwieten iddominaw fejn kien biss il-gowlkiper ta’ Vittoriosa Zach Valletta li ċaħħad liż-Żwieten minn rebħa ikbar.

Bidu qawwi minn Żejtun li mill-ewwel minuti urew l-intenzjonijiet li jserrħu rashom kmieni mit-tliet punti. Fil-11-il minuta fetħu l-iskor bi free-kick pinġut ta’ JURGEN SUDA li spiċċa fir-rokna ta’ fuq tax-xibka għal gowl verament sabiħ.

Ir-reazzjoni ta’ Vittoriosa kienet pjuttost fjakka anki jekk it-tim taħt il-gwida ta’ Ivan Zammit beda jagħti kollox fil-grawnd. Iżda Żejtun bdew ikunu perikolużi fejn Jurgen Suda beda jkun ta’ uġigħ ta’ ras għad-difiża ta’ Vittoriosa.

Fit-33 minuta minn azzjoni ta’ korner, id-daqqa ta’ ras ta’ Jeremy Busuttil għaddiet ċentimetri barra. Żewġ minuti wara azzjoni ta’ Guerrero li xeħet lejn in-nofs iżda ma kien hemm ħadd mill-attakkanti tal-Istars biex jisfruttaw.

Fid-39 minuta azzjoni ta’ Ogunnupe bil-gowlkiper idawwar għal korner u mill-istess korner, id-daqqa ta’ ras ta’ Busuttil kienet imblukkata minn Valletta. Minuta mill-intervall xutt ta’ Dario Tabone kien salvat b’diffikultà minn Cassar. Fl-aħħar minuti kien Valletta li żamm lil Vittoriosa fil-logħba b’żewġ interventi mill-aqwa fuq Carabott u Jackson Cassar.

It-tieni taqsima bdiet bi free-kick indirett fil-kaxxa mogħti minn Suda lejn Agius li xeħet ftit għoli. Fid-59 minuta Żejtun meritatament skorjaw it-tieni gowl meta Agius ta ballun fit-tul lejn ROBEIRO DO NASCIMENTO li stenna l-ħarġa tal-gowlkiper u skorja b’xutt fil-baxx.

Fis-70 minuta JURGEN SUDA skorja t-tielet gowl b’azzjoni personali u xutt angolat li ma ta l-ebda ċans lil Valletta jsalva. Fid-79 minuta gowl ta’ konsolazzjoni għal Vittoriosa meta free-kick ta’ Guerrero stampa mal-mimduda u mir-rebound bir-ras kien OUSMANE SIDIBE li xeħet fix-xibka.

Naxxar jirritornaw għar-rebħ b’gowl f’kull taqsima

MQABBA ……………………… 0

NAXXAR LIONS …………… 2

Mqabba: F. Tabone, M. Caruana, J. Micallef, D. Micallef, J. Spiteri (K. Xuereb 64’), P. Chimezie, A. Makela, N. Micallef, K. Magro, Y. Omuro (A. Ferreira 46’), K. Camilleri (L. Farrugia 78’)

Naxxar: O. Borg, J. Sciberras (A. Azzopardi 79’), M. Fenech, M. Mifsud, E. Cerqueira Farias, D. Falzon (J. Ellul 79’), R. Cassar, J. Debono, B. Essel, S. Meilak, G. Martins Leite (R. Mercieca 87’)

Referee: Fyodor Zammit

Wara li sofrew l-ewwel telfa tagħhom kontra Pembroke fl-aħħar ħarġa tagħhom, Naxxar Lions irritornaw għar-rebħ meta b’gowl f’kull taqsima għelbu lil Mqabba, f’logħba li ma tantx offriet spettaklu, iżda logħba li fiha Naxxar urew li kienu jafu iktar x’qed jagħmlu u kienu ferm iktar konkreti mill-avversarji tagħhom biex ir-rebħa marret mingħajr dubju għand l-aħjar tim.

Il-logħba kellha bidu ferm bilanċjat bil-logħob l-iktar f’nofs il-grawnd fejn l-ewwel periklu wasal biss wara għoxrin minuta meta free-kick ta’ Martins Leite mar ftit barra u ftit wara risposta ta’ Mqabba bix-xutt ta’ Spiteri ma jinkwetax lil Omar Borg.

Fil-25 minuta Dylan Micallef seraq ballun tajjeb u wara li avvanza ra x-xutt tiegħu imur ftit għoli. Fil-35 minuta Naxxar perikolużi bi free-kick ta’ Martins Leite u rovexxjata ta’ Darren Falzon bil-gowlkiper Tabone isalva mgħejjun mill-mimduda.

Naxxar komplew jinsistu u xutt ta’ Mead Mifsud mar ftit barra u tliet minuti mill-intervall, Naxxar fetħu l-iskor meta xutt ta’ Martins Leite kien imblukkat u mir-rebound JURGEN DEBONO minn qagħda ideali xeħet fix-xibka.

It-tieni taqsima fetħet b’ġirja tajba ta’ Makela li minn pożizzjoni angolata impenja lil Borg. Mqabba komplew jinsistu u xutt ta’ Kurt Magro mar ftit għoli. Mqabba komplew jippruvaw iżda Naxxar kienu aħjar f’kull settur u kull meta bdew jieħdu l-pussess tal-ballun, bdew tassew ikunu perikolużi.

Ma kinitx sorpriża għalhekk li Naxxar irduppjaw fl-74 minuta, azzjoni mill-isbaħ bejn Martins Leite u Jurgen Debono, b’MARTINS LEITE jidħol tajjeb fil-kaxxa u bil-kalma kollha jegħleb lil Tabone.