Lokali

17 BLACK: Keith Schembri se jixhed għada

Sena wara li investigazzjoni bejn Times of Malta u Reuters żvelat li l-investitur tal-power station tal-gass, Yorgen Fenech, kien il-bniedem misterjuż wara s-17 BLACK, sa fl-aħħar għada l-id il-leminija tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, mistenni jixhed għall-ewwel darba b’rabta mal-kumpanija f’Dubaj.

Minkejja li ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru prova jwaqqaf it-talba li saritlu biex jixhed dwar dan il-każ, f’libell li ressaq huwa stess fil-konfront tal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Simon Busuttil – it-Tnejn se jkollu jeżegwixxi l-ordni li saritlu mill-Qorti lura f’Lulju.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien wiegħed li jekk jinstab li kellu x’jaqsam mal-iskandlu tal-kumpanija 17 Black mmexxiha mid-direttur tal-Electrogas Yorgen Fenech – huwa kien jirreżenja minnfih – madanakollu bħal kull ħaga oħra minn żmien l-iskandlu tal-Panama ‘l hawn, juża’ kejl differenti ma’ min hu qrib tiegħu – hekk kif għal tlett darbiet u aktar falla milli jgħid x’passi ser jieħu dwar Keith Schembri b’diversi skużi u devjazzjonijiet varji.

L-ewwel darba li smajna bis-17 Black kien fi Frar tal-2017 mingħand il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia – fejn xhur wara ġew żvelati sensiela ta’ e-mails bejn Yorgen Fenech, Keith Schembri u l-Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi. Dawn tal-aħħar ċaħdu kemm-il darba li għandhom rabta ma’ din l-kumpanija, minkejja però li f’e-mail minnhom, iswed fuq l-abjad, intqalilhom li l-kumpaniji li kellhom il-Panama kienu ser jirċievu maż-żewġ miljun dollari diretti mingħand 17 BLACK – fi kliem sempliċi allegatament kickbacks mill-proġett tal-powerstation tal-gass.

Dan filwaqt li tul l-2018 ġie żvelat li filwaqt li aġent li jissuplixxi t-tanker tal-gas f’Delimara, għadda mitejn elf ewro lil kumpanija, 17 BLACK irċeviet ukoll pagamenti li jiżbqu l-miljun dollaru mingħand kumpanija fis-Seychelles ta’ sid misterjuż mill-Ażerbajġan.

It-Tnejn Keith Schembri mistenni jixhed għall-ewwel darba f’dan il-każ li hu, flimkien ma’ Konrad Mizzi ċaħdu kategoriakment li kellhom x’jaqsmu – minkejja l-evidenza. Il-ħabib tal-Prim Ministru ser ikollu jagħmel dak li ilu jaħrab minnu x-xhur, minkejja l-iskużi u nofs veritajiet ta’ Joseph Muscat.