Lokali

Imfakkra l-vittmi tal-Gwerra

Il-11 ta’ Novembru għall-pajjiżi membri tal-Commonwealth, bħal Malta, hu jum għażiż magħruf bħala Jum it-Tifkira, jew Poppy Day.

Dan hekk kif, sa mill-1919 meta din it-tradizzjoni nbdiet mir-Re Ġorġ 5, f’dan il-jum jitfakkar jum il-waqfien mill-ġlied, sena qabel, tal-Ewwel Gwerra Dinjija.

Il-ġlied, li ħalla miljuni mejta, b’mod simboliku waqaf fil-11 ta’ filgħodu, tal-11-il jum tal-11-il xahar ta’ dik is-sena sakemm finalment xi xhur wara ġie ffirmat it-Trattat ta’ Versailles li uffiċjalment temm il-gwerra.

Lejliet, bħalma jsir fil-pajjiżi kollha tal-Commonwealth, f’Malta t-tifkira bdiet quddiem il-Kon Katidral ta’ San Ġwann fejn saret l-ispezzjoni tal-Gwardja tal-Unur mill-President ta’ Malta George Vella, bis-sehem tal-Banda tal-Forzi Armati.

Fil-Kon Katidral imbagħad ġiet ikkonċelebrata l-quddiesa mmexxija minn Monsinjur Joseph Galea Curmi, Isqof Awżiljarju ta’ Malta.

Fl-omelija tiegħu, Galea Curmi tkellem kontra l-gwerer u favur l-għażliet ta’ paċi. Dan fl-isfond li wassal messaġġ favur l-għożża tal-ħajja umana. Appella lil dawk kollha preżenti biex ikollhom vuċi b’saħħitha dwar il-protezzjoni tal-ħajja.

Segwiet din iċ-ċerimonja, iċ-ċerimonja ta’ tifkira quddiem il-Monument tal-Gwerra, fil-Furjana.

Matul din iċ-ċerimonja tqiegħdu kuruni mal-Monument tal-Gwerra mill-ogħla awtoritajiet nazzjonali, fosthom il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius u persuni distinti flimkien ma’ għaqdiet oħra.

Il-Forzi Armati ta’ Malta u Kontinġent mill-Korp tal-Pulizija ffurmaw flimkien Gwardja tal-Unur għal matul iċ-ċerimonja tat-tqegħid ta’ kuruni.

Ħadu  sehem ukoll kontinġent ta’ eks servicemen mir-Royal British Legion flimkien ma’ organizazzjonijiet oħra. Fost oħrajn spikkaw mumenti emozzjonanti meta l-President ta’ Malta George Vella waqaf għal ħin twil jitkellem ma’ wieħed mill-veterani tal-gwerra.