Lokali

Ungeriż fil-periklu tal-mewt wara inċident fi Triq il-Kosta

Ungeriż ta’ 43 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li tilef il-kontroll tal-mutur li kien qed isuq u skidja, bil-konsegwenza li spiċċa jitkaxkar għal diversi metri.

Il-vittma Zoltan Szilagyi, ilu għall-aħħar snin jgħix f’Malta u hu magħruf sew fost il-komunità tas-sewwieqa lokali. Ir-raġel, passjonat tal-muturi tat-tip Suzuki Hayabuza, għandu snin ta’ esperjenza fis-sewqan tagħhom tant li jikkompeti bihom anke fid-drag racing f’Ħal Far.

Filfatt fl-inċident, li seħħ fi Triq il-Kosta, għall-ħabta tal-11:15, ir-raġel kien qed isuq wieħed minn dawn il-muturi tant għal qalbu, ta’ lewn abjad.

Fil-post intalbet l-assistenza medika, b’żewġ tobba tal-emerġenza jagħtu l-ewwel għajnuna, mgħejuna minn tim meduku mill-Isptar Mater Dei. Fil-post waslu wkoll Pulizija tad-Distrett u uffiċjali ta’ Transport Malta biex jidderieġu t-traffiku.

Fl-art fejn seħħ l-inċident, f’liwja tat-triq, evidenti l-impatt li ġarrab is-sewwieq, bil-ħwejjeġ tiegħu mferrxa fl-art u saħansitra żarbuna li spiċċat man-naħa l-oħra tat-triq.

Dan waqt li l-mutur kompla jitkaxkar għal diversi metri oħra sakemm spiċċa metri bogħod mis-sewwieq, iserraħ mal-crash barriers.

Fl-isfond, diversi sewwieqa tal-muturi li fi tmiem il-ġimgħa jinġabru f’dawn l-inħawi biex isuqu l-muturi tagħhom. Uħud minn dawn kienu preżenti fil-post hekk kif seħħ l-inċident.

L-inċident ikkawża konġestjoni kbira tat-traffiku hekk kif l-investigazzjonijiet wasslu biex tingħalaq Triq il-Kosta.

Dan wassal biex is-sewwieqa kellhom iduru fid-direzzjoni tal-Magħtab u joħorġu lejn it-Telgħa t’Alla u Ommu.Dwar dan il-każ għaddejja inkjesta maġisterjali li qed titmexxa’ mill-Maġistrat tal-Għassa Audrey Demicoli, li ħatret diversi esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.