Internazzjonali

Vot kruċjali fi Spanja

L-elettorat fi Spanja llum reġa’ ivvota f’elezzjoni ġenerali li fil-fatt hi r-raba’ waħda f’dan il-pajjiż għal dawn l-aħħar erba’ snin.

Fl-aħħar elezzjoni, li kienet saret f’April, il-Gvern Soċjalista kien rebaħ l-akbar numru ta’ siġġijiet iżda naqas milli jikseb il-maġġoranza u għaldaqstant ma setax jifforma koalizzjoni.

Fil-verità, Spanja ilha ma jkollha amministrazzjoni stabbli mill-2015 u l-elezzjoni tallum qed titqies bħala waħda kruċjali għal pajjiż li qiegħed jiffaċċja numru ta’ sfidi diffiċli. L-isfidi ewlenin għal Spanja jinkludu t-tensjoni mas-separatisti fir-reġjun tal-Katalonja u l-fatt li l-Partit Vox, tal-lemin estrem, qed iżid fil-popolarità fost l-Ispanjoli.

Wara l-vot ta’ April, il-Prim Ministru Soċjalista, Pedro Sanchez, kien daħal f’taħditiet għal koalizzjoni potenzjali mal-Partit Podemos tax-xellug iżda dawn ma waslu mkien, bil-konsegwenza li ntilef id-deadline ta’ Settembru għall-formazzjoni ta’ Gvern ġdid f’Madrid.

Qabel il-vot tallum, Pedro Sanchez kien wissa lill-Ispanjoli li kellhom quddiemhom żewġ għażliet – waħda li jivvutaw lill-partit tiegħu, bil-għan li Spanja jkollha Gvern li jiffunzjona inkella li huma jissugraw il-futur tagħhom lil partit ieħor li kapaċi jiċħad  lil Spanja minn Gvern progressiv fil-veru sens tal-kelma.