Roger Federer kien megħlub minn Dominic Thiem filwaqt li Novak Djokovic beda l-ATP Finals b’rebħa. Federer tilef 7-5, 7-5 fl-O2 Arena ta’ Londra, b’Thiem ikun impressjonanti fil-konklużjonijiet tiegħu. Djokovic li qed ifittex is-sitt titlu u fl-istess ħin jipprova jaqbeż lil Rafael Nadal fil-quċċata tar-rankings, iddomina biex għeleb lil Matteo Berrettini 6-2, 6-1.
Federer u Djokovic jiltaqgħu aktar tard fi Grupp Bjorn Borg, f’dik li se tkun l-ewwel dwell mill-finali maratona ta’ Wimbledon f’Lulju li għadda. Din jaf tkun il-logħba deċiżiva biex Federer jikkwalifika għas-semifinali f’din l-aħħar kompetizzjoni tas-sena. Din kienet it-tieni sena konsekuttiva li Federer tilef l-ewwel logħba fl-ATP Finals wara li kien megħlub minn Kei Nishikori 12-il xahar ilu. Federer tilef is-service fl-ewwel logħba tal-konfront u minkejja li għamel l-iskor indaqs tliet logħbiet wara, serje ta’ żbalji meta kienu 5-5, raw lil Thiem jagħmel il-pass deċiżiv biex jieħu l-ewwel set.
Federer naqas li jsib ir-ritmu neċessarju minħabba l-iżbalji li beda jagħmel, iżda kien kważi mar fuq quddiem fit-tieni set, sakemm Thiem salva break point b’forehand mill-aqwa. L-Awstrijak li kien fil-vantaġġ għal ħafna mil-logħba, kiseb break point ieħor u mar 6-5 qabel għalaq il-logħba bit-tieni match point. B’dan ir-riżultat, Thiem rebaħ l-aħħar tliet logħbiet kontra Federer kif ukoll ħareġ rebbieħ f’ħamsa mis-sebgħa konfronti kontra l-Iżvizzeru.
Djokovic għeleb lil Berrettini f’siegħa u tliet minuti, bit-Taljan fid-debutt tiegħu, ma jkollux prestazzjoni negattiva iżda sempliċiment ma setax ilaħħaq ma’ Djokovic. Berrettini kiseb 71% tal-ewwel service tiegħu iżda Djokovic kiser is-service darbtejn fl-ewwel set u tliet darbiet oħra fit-tieni set. Djokovic kellu biss tmien unforced errors.
Wara l-logħba, Djokovic qal li ma kinitx faċli għall-avversarju tiegħu fl-ewwel logħba f’dan it-tournament. Hu kompla li kien jaf li se jkun nervuż fil-bidu u għalkemm kien konxju li hu b’saħħtu fis-service u l-forehand, Djokovic sostna li lagħab solidu fil-partita kollha.
//= $special ?>