Mara ta’ 61 sena mill-Mellieħa tinsab fil-periklu tal-mewt wara li nstabet f’residenza fl-istess lokalità mimlija demm. Dan wara li allegatament qalgħet daqqiet ta’ martell fuq rasha u wiċċha.
Il-Pulizija qed iżżomm taħt arrest lil raġel ta’ 61 sena, mill-Mellieħa wkoll hekk kif kien fl-istess residenza fil-ħin li l-Pulizija waslu fuq il-post.
L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ 12pm hekk kif il-Pulizija ntalbu l-assistenza tagħhom fir-residenza li tinsab fi Triq Qasam Barrani, fil-Mellieħa.
Fuq il-post marru l-Pulizija tad-Distrett u ambulanza b’tim mediku li ħadu minnufih lill-mara l-Isptar Mater Dei għall-kura. Minn naħa tal-Pulizija, huma żammu lir-raġel li kien hemm fir-residenza taħt arrest għal iktar investigazzjonijiet.
Fuq il-post insab ukoll il-martell li allegatament intuża waqt l-attakk fuq il-mara u ġie elevat bħala parti mill-investigazzjonijiet.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Charmaine Galea, fejn ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li appuntat. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija min-naħa tad-Distrett għadhom għaddejjin.
//= $special ?>

