Ekonomija Kummerċ Lokali

Il-BOV jaħtar lil Rick Hunkin bħala Kap Eżekuttiv ġdid

Bank of Valletta ħabbar li l-Bord tad-Diretturi ser jaħtar lil Rick David Hunkin bħala l-Kap Eżekuttiv tal-BOV b’ effett mill-1 ta’ Jannar 2020. Fil-kapaċità tiegħu bħala Kap Eżekuttiv, Hunkin ser ikun ukoll membru tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank bħala Direttur Eżekuttiv. Il-ħatra tiegħu hija soġġetta għal approvazzjoni regolatorja.

Hunkin, l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-BOV maħtur minn barra l-Bank, se jkun is-suċċessur ta’ Mario Mallia meta dan jirtira mill-Bank fil-31 ta’ Diċembru 2019. Mallia aktar kmieni din is-sena informa lill-Bord tad-Diretturi tal-Bank li mhux se jġedded għal terminu ieħor.

Hunkin għandu esperjenza wiesgħa f’diversi oqsma fis-settur bankarju internazzjonali, fejn ħadem ma’ banek ewlenin fir-Renju Unit u pajjiżi oħra f’dawn l-aħħar 40 sena. Hu għandu esperjenza estensiva fis-servizzi bankarji, ipoteki u tfaddil, ġestjoni tar-riskju, programmi ta’ tibdil u rinnovazzjoni kif ukoll fuq l-infrastruttura ta’ governanza korporattiva. Qabel ma ngħaqad mal-Bank of Valletta, Hunkin kien l-Uffiċjal Kap tar-Riskju ta’ Chetwood Financial. Huwa okkupa wkoll pożizzjonijiet għolja ta’ maniġment f’GE Money, Northern Rock, Tesco Bank, Williams & Glyn (Royal Bank of Scotland) u Provident Financial.