F’laqgħa mal-Kmamar tal-Aħbarijiet lokali, il-Kap taċ-Ċivil Mario Cutajar evita milli jagħmel referenza għar-Rapport ta’ George Hyzler, fejn kien trattat il-mod kif jintagħżlu l-membri tal-Ġudikatura.
Minflok, hu pprova jdawwar l-attenzjoni tal-media fuq Rapport ieħor, ukoll ta’ George Hyzler, li iżda bbaża aktar fuq jekk il-Membri Parlamentari tal-Backbench tal-Gvern jistgħux ikollhom kuntratti tal-Gvern stess.
Fil-fatt, bil-pjan ċar ta’ Kastilja li jiddevja wkoll l-attenzjoni mill-aħbar tal-ġurnata – fejn iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri ħarab milli jixhed quddiem il-Qorti – il-Kap taċ-Ċivil qal li m’hemm xejn fil-Liġi li jipprojbixxi lill-Gvern milli jaħtar Membri Parlamentari għal rwoli f’entitajiet pubbliċi.
Dan b’referenza għal Rapport ta’ 138 paġna mħejji minn Hyzler u ppreżentat lill-President ta’ Malta, fejn qal li hu “fundamentalment ħażin” li l-Gvern jaħtar Membri Parlamentari għar-rwoli tal-Gvern.
Bħala l-persuna nkarigata minn Muscat innifsu biex janalizza dan ir-Rapport, Mario Cutajar inħeba wara opinjonijiet legali fost l-oħrajn mill-Avukat Ġenerali Peter Grech, li f’diversi okkażjonijiet kien ikkritikat għall-mod kif jagħżel li jiddefendi lill-Gvern minflok inaddaf isem pajjiżna bil-Ġustizzja.
F’evalwazzjoni, il-Kap taċ-Ċivil qal li meta l-Membri Parlamentari jiġu maħtura f’karigi ta’ fiduċja … fi kliem ieħor persons of trust, “ma qed isir l-ebda ksur tal-Kostituzzjoni, l-ebda liġijiet mhu qed jiġu miksura, u li wieħed ma jistax jgħid li hemm kunflitt ta’ interess għad-deputati parlamentari maħtura.”
Din il-pożizzjoni mistennija tkun diskussa fil-kumitat tal-parlament għall-istandards fil-ħajja pubblika t-Tlieta filgħodu.
George Hyzler qal ukoll li l-prattika tal-gvern li jagħti diversi rwoli u rwoli ta’ konsulenza lill-backbenchers kienet “fundamentalment ħażina”, u għamlet ħsara lis-separazzjoni tal-poteri… waħda li ddgħajjef il-prinċipji tal-Kostituzzjoni u li tmur kontra l-Kodiċi tal-Etika ta’ l-Impjegati Pubbliċi u l-Membri tal-Bord.
