Sport Waterpolo

Jamie Gambin jgħix il-ħajja ta’ student u plejer fl-Istati Uniti

(Ritratt: Martin Agius)

Stewart Said

F’pajjiżna, l-isport tal-waterpolo hu popolari l-aktar fis-sajf, iżda ftit jagħtu każ l-impenn tal-plejers, il-kowċis u l-amministraturi fil-klabbs fix-xitwa. Fost il-plejers li qed jużaw dan iż-żmien biex ikompli jitjieb hemm Jamie Gambin. Dan iż-żagħżugħ ta’ 20 sena bħalissa jinsab fl-Università ta’ Lindenwood fl-Istati Uniti biex ikompli fl-istudju tiegħu iżda wkoll jilgħab u jkompli jitjieb fil-waterpolo.

Fil-verità, Gambin beda jilgħab il-futbol u kien jgħum biss fix-xhur tas-sajf. Meta kellu madwar 12-il sena, kien ingħata l-parir li minbarra l-għawm jibda wkoll il-waterpolo. Hu għamel tliet snin jilgħab il-futbol u l-waterpolo fl-istess ħin, mingħajr ma jispeċjalizza.

Meta kellu 15-il sena, Jamie Gambin spiċċa f’salib it-toroq dwar liema sport irid ikompli. Il-kowċ nazzjonali Malti Karl Izzo avviċinah wara l-Kampjonat tas-Sajf tal-2014 u bil-gwida u l-inkoraġġiment tiegħu, iddeċieda li jiffoka biss fuq il-waterpolo filwaqt li kompla bl-edukazzjoni tiegħu fil-livell ta’ Sixth Form.

Is-sena ta’ wara, it-tim nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena li kien jifforma parti minnu, ipparteċipa f’diversi tournaments internazzjonali biex jipprova jikkwalifika għall-Kampjonat Ewropew. Fit-tournament ta’ kwalifikazzjoni li kien sar f’pajjiżna, iż-żgħażagħ Maltin għelbu lir-Renju Unit u spiċċaw it-tieni fil-grupp biex saru l-ewwel tim Malti li kkwalifika għall-kompetizzjoni Ewropea maġġuri.

Din il-kwalifikazzjoni biex f’Ġunju tal-2015 Malta ħadet sehem fil-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew f’Baku l-Ażerbajġan, saħħet il-passjoni ta’ Jamie Gambin fil-waterpolo. Din id-deċiżjoni kienet il-bidu ta’ diversi opportunitajiet għaż-żagħżugħ Malti.

Sena wara hekk kif spiċċa l-A Levels, Gambin kien preżentat b’opportunità biex jilgħab fil-kapitali Ungeriża Budapest. Hu ngħaqad b’self ma’ OSC-Ujbuda taħt il-gwida tal-eks kowċ ta’ Sliema Vince Balasz. Sakemm kien fl-Ungerija, Gambin ġietu l-idea li jikkombina l-istudji akkademiċi tiegħu mal-waterpolo u minn hemm nibtet l-idea li jkun student u atleta fl-Istati Uniti.

“Wara li għamilt kuntatt ma’ diversi universitajiet u kowċis, Lindenwood University żviluppaw bħala l-aqwa għażla minħabba l-livell għoli ta’ kompetizzjoni, in-numru kbir ta’ atleti internazzjonali kif ukoll id-degree li jien għandi l-ħsieb li nkiseb.”

“Mal-wasla f’Lindenwood li tinsab f’St. Charles Missouri, ħassejtni immedjatament milqugħ minħabba n-numru kbir ta’ studenti internazzjonali li qed jattendu bħala studenti atleti, mhux biss għall-waterpolo imma għal diversi sport ieħor li jesponu fuq livell ta’ Università fl-Istati Uniti.”

L-istaġun tal-waterpolo fl-Istati Uniti hu bejn Awwissu u Diċembru u f’dan il-perjodu t-tim jitħarreġ kuljum bejn is-1.00pm u t-3.00pm fost il-ġimgħa u t-Tlieta u l-Ħamis ikollhom sessjoni oħra kmieni bejn is-6.00am u s-7.00am. Barra minn hekk, darbtejn fil-ġimgħa jew darba iva u darba le fil-5.00pm ikollhom weight training.

F’dan il-perjodu, it-tim ikun mistieden biex jilgħab f’diversi tournaments internazzjonali li huma organizzati minn diversi Universitajiet fl-Istati Uniti. Fost dawn hemm hemm dawk f’California, Las Vegas u fl-Airforce Invitational Tournament f’Colorado Springs. F’uħud minn dawn it-tournaments, kien jinvolvi li jivvjaġġaw bl-ajruplan u f’xi drabi jkunu bogħod mill-Università tagħhom għal ftit jiem.

“It-time management hu veru importanti għal studenti atleti għaliex il-vjaġġi twal jaħbtu wkoll mal-aspett akkademiku u l-assignments. Aħna nieħdu kull ċans li jkollna biex inlaħħqu mal-ħidma tagħna fl-Università. Dawn it-tournaments iservu ta’ preparazzjoni għal-logħbiet fil-conference tagħna, li hu ekwivalenti għall-kampjonat reġjonali. Il-prestazzjonijiet f’din il-kompetizzjoni jiddeterminaw jekk nikkompetux fil-kampjonat nazzjonali,” kompla Gambin.

Sa issa, Lindenwood waslu sal-kampjonat nazzjonali kull sena fl-aħħar diċenju u saħansitra ħarġu rebbieħa tliet snin konsekuttivi qabel ma ngħaqad magħhom hu. Wara dak li fl-ewwel staġun Gambin jemmen li kien staġun diżappuntanti, l-istaġun li għadda rebħu l-kampjonat nazzjonali tal-klabbs b’rebħa fuq Villanova u żewġ timijiet tajbin minn California fi triqthom lejn il-finali kontra Utah.

F’dan l-istaġun, huma qed jerġgħu jimmiraw li jaslu sal-finali u jirbħu l-Kampjonat Nazzjonali li qed isir f’Pittsburgh. Biex jaslu għal dan l-għan, Lindenwood għaddew minn preparazzjoni intensa fosthom parteċipazzjoni f’diversi tournaments f’California u Colorado, dejjem bl-għan li jkunu preparati bl-aħjar mod għall-impenji li għandhom.

Jamie Gambin (nofs)

“Li nkun nista’ nikkombina l-istudji akkademiċi filwaqt li niżviluppa bħala plejer tal-waterpolo hi opportunità mill-aqwa li saret possibbli permezz tal-Iskema tal-Borża ta’ Studju pprovduta mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. Jien kuntent li ħadt l-opportunità biex ikolli din l-esperjenza eċċezzjonali.”

Wara li jlesti dan il-programm, Jamie Gambin għandu l-ħsieb li jirritorna f’pajjiżna u jkompli jgħin lil sħabu fit-tim ta’ Sliema biex jiksbu s-suċċess mixtieq fil-kampjonat.

Gambin iħoss li l-waterpolo f’Malta jipprovdi opportunità unika lill-irġiel u nisa żgħażagħ li jikkombinaw l-istudji akkademiċi u l-isport, biċ-ċans li jitħarrġu u jikkompetu barra minn Malta, mingħajr ma jitilfu l-kampjonat l-aktar popolari.

“Minkejja li jien l-ewwel plejer lokali li mmur barra minn Malta biex nikkombina l-akkademja mal-isport, sinċerament nittama li ma nkunx l-aħħar wieħed, b’atleti oħra jieħdu l-istess triq li ħadt jien,” temm jgħid Jamie Gambin.