Lokali Qorti

L-Imħallef Scerri Herrera tastjeni milli tisma’ l-appell ta’ tliet Ministri

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera tastjeni milli tisma l-appell imressaq mill-Ministri Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna dwar l-inkjesta kriminali dwar id-deal ma’ Vitals Global Healthcare.

L-Imħallef Scerri Herrera kellha tibda tisma’ l-appell li tressaq mit-tliet Ministri li qed jitolbu li tħassar id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati li ddikjarat li hemm biżżejjed provi sabiex tinfetaħ inkjesta kriminal dwar l-involviment tagħhom fil-privatizzazzjoni ta’ tliet sptarijiet pubbliċi.

L-Imħallef astjeniet minħabba li tiġi oħt Ministru tal-Gvern, speċifikament il-Ministru tal-Ambjent Jose Herrera u minħabba l-prinċipju tar-responsabbilta’ kollettiva tal-kabinett tal-Gvern.

Din kienet it-tieni darba li l-Qorti tal-Maġistrati laqgħet talba tal-NGO Repubblika biex tinfetaħ inkjesta kriminali fil-konfront tat-tliet Ministri.

F’Lulju li għadda, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit kienet laqgħet it-talba iżda l-Ministri Cardona, Mizzi u Scicluna appellaw u l-Imħallef Giovanni Grixti laqa’ l-appell u ibbaża d-deċiżjoni fuq li l-informazzjoni ġiet minn rapporti fil-gazzetti, kitbiet ta’ bloggers u sorsi mhux identifikati.

Repubblika ressqet talba ġdida u ressqet iktar informazzjoni u l-ġimgħa li għaddiet, il-Maġistrat Doreen Clarke laqgħet it-talba u ordnat li tinfetaħ inkjesta kriminali fil-konfront tat-tliet Ministri. Iżda għal darb’oħra, Konrad Mizzi, Chris Cardona u Edward Scicluna fetħu appell b’urġenza.

Minbarra l-inkjesta kriminali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ kawża sabiex il-kuntratt ma’ Vitals jiġi dikjarat null u l-Isptarijiet pubbliċi jingħataw lura lill-poplu.

Dan id-deal bħalissa qed jiġi investigat ukoll mill-Awditur Ġenerali.

Fl-2015, meta Konrad Mizzi kien Ministru tas-Saħħa, Vitals Global Healthcare ingħataw konċessjoni biex imexxu l-Isptarijiet San Luqa, Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.  Oriġinarjament, din il-konċessjoni kienet ta’ 30 sena iżda mbagħad kienet estiża għal 99 sena.  

Iżda fi Frar tas-sena li għaddiet, il-konċessjoni għaddiet lil Steward Healthcare wara li dawn tal-aħħar xtraw l-ishma ta’ Vitals. Sadanittant, Vitals kienu laħqu belgħu mill-inqas €50 miljun… bi ftit li xejn x’juru għall-flus li ingħataw.