Lokali

L-infermiera jibqgħu bla assikrazzjoni

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN bdiet azzjonijiet f’Mater Dei wara li ġimgħa ilu sehh inċident meta marru fuq emergenza bl-ambulanza, fejn issa l-Union qed titlob insurance fuq il-post tax-xogħol.

Il-gimgha l-ohra, infermiera li kienet tifforma parti minn tim mediku li marru jassistu pazjenta spiċċat tintrefa’ u titniżżel taraġ tal-post fejn kienet. Fl-inċident qarib tal-pazjenta ġera wara l-infermiera b’furkettun kbir u heddidha li se joqtolha.

L-MUMN fi stqarrija kienet iddikjarat li din l-agressjoni, minn qarib tal-pazjent, seħħet mingħajr ma kien hemm l-ebda tip ta’ provokazzjoni.

Dakinhar l-MUMN kienet talbet għal protezzjoni fil-konfront tal-infermiera kif ukoll talbet li l-istess polza tal-assigurazzjoni offruta lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili u l-uffiċjali tal-ħabs tingħata wkoll lill-infermiera fid-Dipartiment tal-Emerġenza u dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali.

Wara li l-assigurazzjoni mitluba mill-MUMN baqgħet ma waslitx fiż-żmien mitlub mill-istess union, issa daħlu fis-seħħ direttivi fid-dipartiment tal-emerġenza.

Id-direttivi japplikaw għal każi li mhumiex ta’ natura serja.

Infermiera f’Mount Carmel ukoll ingħataw ordnijiet li ma jirrappurtawx lill-pulizija pazjenti li ma jkunux irritiornaw l-isptar wara li jkunu ħarġu mill-isptar b’permess għal ftit jiem.

Fl-aħħar xhur kienu diversi l-azzjonijiet ordnati mill-MUMN bi sforz li jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet u l-kundizzjonijiet tal-infermiea u l-qwiebel. Dan minħabba sfidi kbar li qed joqltu d-diversi oqsma tas-servizzi tas-saħħa.

Issa hekk kif anke f’dan il-każ it-talbiet tal-infermiera mhumiex jiġu milqugħua u mismugħa, l-MUMN qed tgħid li qed tikkunsidra l-possibilità li teskala d-direttivi.