Internazzjonali

Wara l-elezzjoni fi Spanja: Inċertezza ġdida wara l-kisbiet mill-estremisti tal-lemin

Is-Soċjalisti (PSOE) fil-Gvern rebħu l-akbar numru ta’ siġġijiet fl-elezzjoni ġenerali tal-Ħadd iżda naqsu minn maġġoranza. Intant, il-partiti tal-lemin, b’mod partikulari l-estremisti tal-Partit Vox, żiedu sew l-appoġġ popolari u bil-Vox isir t-tielet l-akbar partit fi Spanja.

Fil-fatt (u minkejja r-rebħa) ir-riżultat mhux jitqies bħala daqstant pożittiv għall-Aġent Prim Ministru u Kap Soċjalista, Pedro Sanchez. Dan meta r-riżultati ma ħallew l-ebda maġġoranza ċara fost il-partiti tax-xellug, bl-appoġġ jonqos għall-Partit Podemos (alleat naturali tas-Soċjalisti) u bil-Partit Mas Pais jikseb biss ftit siġġijiet fil-Parlament.

Intant, il-Partit Popolari (PP) konservattiv spiċċa t-tieni fl-elezzjoni wara li rkupra ħafna mis-siġġijiet li kien tilef fl-elezzjoni ġenerali ta’ April. U jekk Spanja għandha toħroġ mill-istaġnar politiku, Pedro Sanchez jista’ ikollu jfittex l-appoġġ tal-PP – inkella l-pajjiż kapaċi jiffaċċja tielet elezzjoni ġenerali fi żmien sena.

Fil-fatt, l-elezzjoni ġenerali tal-Ħadd kienet ir-raba’ waħda fi Spanja f’erba’ snin. Dan wara li r-riżultat tal-elezzjoni ta’ April irriżulta fi staġnar fit-tul u bil-partiti jfallu milli jiffurmaw koalizzjoni sad-deadline ta’ Settembru.

L-aħħar elezzjoni kapaċi tiftaħ għal aktar komplikazzjonijiet fi Spanja, bl-ispinta fil-popolarità għall-Vox – li aktar milli rdoppja s-siġġijiet li kellu – tfisser li dan il-partit radikali se jsibha aktar faċli biex ifassal u jiżviluppa l-aġenda politika tal-lemin.

Sitwazzjoni bħal din x’aktarx li ttellef it-tentattivi ta’ Pedro Sanchez għal soluzzjoni konċiljatorja mas-separatisti  ta’ Katalonja. Dan meta waħda mill-akbar kwistjonijiet fil-vot tal-Ħadd kienet tinvolvi t-tensjoni tbaqbaq bejn il-Gvern Spanjol u l-Katalonja, reġjun semi-awtonomu fil-grigal ta’ Spanja li t-tentattiv fallut tiegħu għall-indipendenza, fl-2017, kien wassal għall-akbar kriżi politika fil-pajjiż għal 40 sena.

Intant, Pedro Sanchez, wara li daħlu r-riżultati tal-elezzjoni, sostna li l-priorità tiegħu hi għal Gvern stabbli u sistema ta’ politika li tibbenefika lill-maġġoranza tal-Ispanjoli.

Madankollu, Pablo Iglesias, il-Kap tal-Podemos, wissa li l-aħħar elezzjoni ‘serviet biex issaħħaħ lill-estremisti tal-lemin’. Madankollu, Iglesias indika li jinsab lest biex, mill-aktar fis, jibda t-taħditiet mal-Partit Soċjalista bil-ħsieb li jaslu għal koalizzjoni.

Fl-elezzjoni tal-Ħadd, il-Partit Soċjalista rebaħ 120 (tlieta anqas mill-vot ta’ April) mit-350 siġġu fl-assemblea ta’ Madrid. Il-Partit Popolari rebaħ 88 siġġu, bil-Vox jikseb 52 siġġu, li huma qabża notevoli mill-24 li kien rebaħ f’April. Il-Partit Ciudadanos, taċ-ċentru-lemin, sofra disfatta kbira, bil-57 siġġu rebaħ f’April jonqsulu għal għaxra biss.