It-tanker tal-gass li jinsab f’Dellimara tmexxa 70 metru ‘l bogħod mill-moll hekk kif ir-riħ tul il-lejl tela’ sa Forza 8, u laqat b’mod speċjali din iż-żona.
L-Electrogas Malta t-Tnejn ħabbret li se tagħmel dan hekk kif rat li bħala prekawzjoni jkun ideali li jiċċaqlaq minħabba li l-baħar kien imqalleb. It-twissija infatti baqgħet fis-seħħ kważi tul il-jum kollu.
Matul dan iż-żmien, it-tanker tal-gass mhux se jkun qed jopera u b’hekk sorsi ta’ enerġija oħra se jkunu qed jintużaw minfloku. Dan ifisser li l-elettriku għal ħin twil kien qed jiġi mill-interconnector; proġett li kien xprunat minn Gvern Nazzjonalista.
Fl-istess waqt l-Electrogas Malta ma qalu xejn jekk sarx risk assessmant biex it-tanker ikun jista’ joħroġ ‘il barra.
Meta l-Prim Ministru Joseph Muscat kien ħabbar il-wasla tat-tanker tal-gass ġewwa pajjiżna, il-Partit Nazzjonalista kien wera t-tħassib tiegħu dwar il-periklu għar-residenti ta’ Marsaxlokk u ż-żoni tal-madwar. Madanakollu, Muscat baqa’ jinsisti li t-tanker tal-gass mhux se jkun qed jikkawża l-ebda periklu.
It-tanker tal-gass ‘Armada LNG Mediterrana’ jintuża bħala ‘floating storage unit’ biex jissuplixxi l-gass lill-powerstation tal-Electrogas – il-konsorzju li ntgħażel mill-Gvern biex jibni l-powerstation, li għaliha qed jagħmel tajjeb il-poplu b’garanzija bankarja ta’ aktar minn €360 miljuni – proġett li spiċċa wkoll f’nofs il-kontroversja taħraq marbuta mal-kumpanija sigrieta fil-Panama, 17 Black.
//= $special ?>