Red Bull ikkonfermaw lil Alexander Albon bħala t-tieni sewwieq tagħhom għall-istaġun li ġej. Albon kien promoss mat-tim f’nofs l-istaġun flok Pierre Gasly, bil-Franċiż jinżel mat-tieni tim tagħhom, jiġifieri Toro Rosso.
Albon spiċċa mal-ewwel sitta f’kull tellieqa li kkompeta ma’ Red Bull u saħansitra f’dan il-perjodu kiseb 19-il punt aktar minn sieħbu fit-tim Max Verstappen. Għal Albon dan hu l-ewwel staġun tiegħu fil-Formula 1.
Il-Prinċipal ta’ Red Bull Christian Horner qal li ż-żagħżugħ ta’ 23 sena għandu ħafna potenzjal x’jiżviluppa. “Alex kellu prestazzjonijiet pożittivi minn meta għamel id-debutt mat-tim fil-Belġju u r-riżultati ta’ seba’ tlielaq mal-ewwel sitta jitkellmu waħedhom,” qal Horner.
Intant, Pierre Gasly u Daniil Kvyat kienu konfermati ma’ Toro Rosso għas-sena d-dieħla.
//= $special ?>