Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Kunsilli Lokali u Fondi Ewropej Robert Cutajar insista mal-Parlament Ewropew li huwa neċessarju għal Malta li tibqa’ tirċievi fondi Ewropej għas-snin li ġejjin.
Qal li dan hu importanti biex il-livell tal-għixien tal-familji Maltin u Għawdxin u setturi varji jkomplu mixjin ‘il quddiem.
Dan hekk kif il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista attenda laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew, fil-Parlament Ewropew, ma’ numru ta’ Ewro-Deputati u Membri Parlamentari oħra mill-pajjiżi membri fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Hu kien akkumpanjat mill-Membru Parlamentari Ewropea, Roberta Metsola.
Il-laqgħa saret hekk kif bħalissa għaddejjin negozjati fuq livell Ewropew dwar il-budget tas-seba’ snin li ġejjin tal-Unjoni Ewropea.
L-aħħar wieħed kien fl-2013 meta l-Prim Ministru ta’ dakinhar, Lawrence Gonzi ġab lejn Malta iktar minn biljun ewro f’fondi Ewropej. Dakinhar l-Ewropa kienet għaddejja mill-ikbar kriżi ekonomika li qatt rat mit-tieni gwerra dinjija ‘l hawn u allura l-budget Ewropew fl-intir tiegħu kien ġie imnaqqas.
F’kummenti lil dan l-istazzjoni, Robert Cutajar iddikjara li minkejja li l-Partit Nazzjonalista jinsab fl-oppożizzjoni xorta qed jagħmel b’obbligu, u b’mod kostruttiv, dak li hu fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.
Dan sabiex mill-fondi li ser ikunu allokati lejn pajjiżna mill-Unjoni Ewropea fil-pakkett finanzjarju li jmiss pajjiżna jerġa’ jibbenefika bl-istess mod li Gvern Nazzjonalista preċedenti kien irnexxielu jġib bejn 2014-2020.
//= $special ?>