In-nirien fi New South Wales jilħqu livell katastrofiku
It-territorji lejn il-kosta tal-lvant tal-Awstralja – fosthom partijiet mis-subborgi ta’ Sydney – qed jiffaċċjaw waħda mill-akbar theddid min-nirien qalb foresta fl-istorja tal-pajjiż.
Dan meta ‘il fuq minn 85 nar – li nofshom kienu qegħdin jaqbdu mingħajr kontroll – ħakmu bnadi sħaħ fl-Istat ta’ New South Wales. Intant, l-awtoritajiet lokali qed ibassru ‘kundizzjonijiet katastrofiċi’ dovuti għan-nirien, fost l-inkwiet dwar irwiefen ‘min-nofsinar’ li kapaċi jibdlu d-direzzjoni tal-fjammi.
Madwar sitt miljun persuna qegħdin jgħixu fir-reġjun affettwat, meta l-periklu kien mistenni jiżdied minn ħin għall-ieħor.
L-ajruplani attrezzati għal kontra n-nirien tefgħu kwantità ta’ kimika tat-tip flame retardant għal fuq is-siġar u d-djar fis-subborg ta’ South Turramurra, max-xatt lejn in-naħa ta’ fuq ta’ Sydney, waqt li n-nirien qalb l-aħrax avvanzaw sa 15-il kilometru biss ‘il bogħod miċ-ċentru tal-belt.
L-aħħar rapporti qalu li n-nar ta’ Turramurra kien inġieb taħt kontroll iżda baqgħet valida t-twissija biex ir-residenti fil-komunitajiet ‘vulnerabbli’ ta’ New South Wales iżommu ‘il bogħod miz-zoni tal-bushland .
Il-messaġġ tal-allert wissa wkoll biex dawn in-nies ‘jaħarbu minn djarhom’, meta deher li kien qed jeskala l-livell tan-nirien.Dan meta ‘il fuq minn 600 skola jinsabu magħluqin madwar l-Istat Awstraljan inkwistjoni.
//= $special ?>