Futbol Sport

Erba’ gowls f’20 minuta determinanti għat-tim Malti kontra l-Italja

ITALJA…………. 5

MALTA………… 0

Italja: L. Giuliani, E. Bartoli (V. Bergamaschi 46’), L. Fusetti, E. Linari, L. Boattin, M. Giugliano, A. Galli (G. Greggi 57’), M. Rosucci, V. Cernoia, C. Girelli, D. Sabatino (S. Tarenzi 68’)

Malta: J. Xuereb, S. Farrugia (N. Sciberras 46’), E. Lipman, C. Zammit, J. Flask, D. Theuma, A. Sultana (E. Xuereb 72’), S. Zammit, B. Borg, R. Cuschieri (A. Said 46’), M. Farrugia

Imwissija: M. Giugliano 7’, C. Girelli 25’ (I)

Tkeċċiet: M. Giugliano 71’ (I)

Skorjaw: V. Cernoia 27’, 37’, D. Sabatino 42’, 45’, G. Greggi 93’ (I)

Referee: Eleni Antoniou (Greċja)

Assistenti Referees: Chrysoula Kourompylia, Sofia Athanasopoulou (Greċja)

It-tim nazzjonali kien megħlub 5-0 mill-Italja f’Castel Di Sangro, bl-erba’ gowls jaslu fl-ewwel taqsima. Għat-tim Taljan din kienet is-sitt rebħa konsekuttiva fi Grupp B mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għall-Kampjonat Ewropew, filwaqt li t-tim Malti baqa’ b’punt.

F’pajjiżna x-xahar li għadda, it-tim ta’ Mark Gatt tilef 2-0 kontra l-Italja fis-Centenary Stadium b’żewġ gowls li waslu fl-aħħar 20 minuta. F’din il-logħba, l-Italja ddominat ukoll iżda sabet gowls fl-ewwel taqsima li għamluha aktar faċli għalihom, bit-tim Malti jonqos li jkun ta’ periklu lejn il-lasta Taljana.

Daniela Sabatino ħolqot l-ewwel opportunita għat-tim Taljan wara ħames minuti iżda Janice Xuereb ħarġet u mblokkat tajjeb. Fis-16-il minuta, id-difensur Laura Fusetti naqset li tikkonkludi b’daqqa ta’ ras minn metru bogħod. Ħames minuti wara, Xuereb salvat tajjeb xutt tajjeb ta’ Giugliano. L-Italja fetħet l-iskor fis-27 minuta bi free-kick għar-rokna ta’ fuq tax-xellugija VALENTINA CERNOIA li għelbet lil Xuereb, bil-gowlkiper ta’ Birkirkara tmiss biss il-ballun.

Fis-36 minuta, Daniela Sabatino falliet il-mira bi ftit wara kross mil-lemin, iżda minuta wara l-iskor sar 2-0. Reġgħet kienet VALENTINA CERNOIA li ħadet vantaġġ minn żelqa ta’ Stephania Farrugia u għelbet lil Xuereb b’xutt b’saħħtu. It-Taljan skorjaw it-tielet gowl fit-42 minuta b’azzjoni mil-lemin tal-captain Cristiana Girelli li tefgħet kross fil-baxx għan-nofs, bil-veterana DANIELA SABATINO tiżmarka ruħha biex għelbet lil Xuereb mill-viċin. Qabel il-mistrieħ, it-tim ta’ Milena Bertolini żied gowl ieħor b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ MANUELA GIUGLIANO.

L-andament tal-logħba baqa’ l-istess fit-tieni taqsima, bl-Italja jibqgħu jfittxu aktar gowls. Il-gowlkiper Janice Xuereb ċaħħdet ukoll lit-Taljani milli jkabbru l-iskor meta salvat diversi konklużjonijiet minn barra l-kaxxa. L-Italja sfat tilgħab b’għaxar plejers fil-71 minuta b’Manuela Giugliano tintwera t-tieni karta safra minħabba li daħlet lura fil-pitch mingħajr permess.

Xuereb kienet providenzjali fl-84 minuta meta dawret f’korner xutt tas-sostituta ta’ Giada Greggi biex minuta wara reġgħet dawret f’korner xutt mid-distanza ta’ Martina Rosucci. Huma xorta rnexxielhom iżidu l-iskor fit-93 minuta b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa wkoll ta’ GIADA GREGGI.