Internazzjonali

Gaza-Iżrael: Il-qtil ta’ kap militanti jirriżulta f’bumbardamenti ta’ ritaljazzjoni

Kmandant ewlieni tal-grupp Ġiħad Iżlamiku, magħmul minn militanti Palestinjani, spiċċa maqtul waqt attakki mill-qawwiet tal-ajru Iżraeljani fuq il-Medda ta’ Gaza. Sadanittant, il-qtil ta’ Baha Abu al-Ata qanqal reazzjoni immedjata mill-militanti f’Gaza li sparaw għexieren ta’ missili lejn Iżrael. Dan waqt li l-kelliema għall-Ġiħad Iżlamiku ħalfu biex jivvendikaw il-qtil tal-kmandant tagħhom.

Abu al-Ata u martu tilfu ħajjithom meta r-residenza tagħhom, fiz-zona ta’ Shejaiya ( fil-lvant ta’ Gaza) intlaqtet direttament minn rokit. Ir-rapporti qalu wkoll li ndarbu wħud mill-ulied il-militanti flimkien ma’ ‘xi ġirien’ tiegħu.

Il-militar ta’ Iżrael, wara l-attakk, xebbaħ lil Baha Abu al-Ata ma’ ‘bomba tal-ħin’ u insista li dan il-militanti ‘kien qed jippjana attakki terroristiċi li dehru imminenti’. Ingħad ukoll li l-azzjonijiet li kien qed iħejji al-Ata kellhom ikunu indirizzati ‘lejn ċivili u truppi’, bil-qawwiet Iżraeljani jsostnu li l-attakk fuq ir-residenza ‘tat-terrorista’ kien tmexxa b’mod speċifiku biex ma jintlaqtux ċivili Palestinjani fl-istess inħawi.

Fl-istess ħin, Iżrael enfasizza li ‘mhux qed jaħseb biex jeskala s-sitwazzjoni mal-militanti f’Gaza’.

Stqarrija mill-Ġiħad Iżlamiku, filwaqt li kkonfermat il-qtil ta’ Abu al-Ata, qalet li hu kien il-kmandant tiegħu fir-reġjun tat-Tramuntana ta’ Gaza u li hu ‘kien għaddej b’azzjoni ġiħadista erojka’.

Rapporti oħra qalu li numru ta’ Iżraeljani ndarbu ħafif fil-bumbardamenti ta’ ritaljazzjoni minn Gaza, meta l-missili laqtu l-inħawi fin-naħa t’isfel ta’ Iżrael (viċin il-fruntiera).

Waqt li kien għaddej l-attakk fuq ir-residenza ta’ Abu al-Ata, il-qawwiet tal-ajru Iżraeljani kienu anki qed jolqtu r-residenza ta’ kap Palestinjan ieħor mal-Ġiħad Iżlamiku f’Damasku, il-kapitali tas-Sirja. F’dan l-attakk inqatlu talanqas żewġ persuni b’aktar minn għaxra jisfaw midruba.

L-Iżraeljani ma kkummentawx dwar dan l-attakk u meta ma kienx ċar jekk il-Kap tal-Ġiħad, inkwistjoni, Akram al-Ajouri, spiċċax fost il-mejtin.