Il-Pulizija Ġermaniża arrestat lil tliet persuni fil-belt ta’ Offenbach, fuq suspett li dawn kienu qed jippjanaw attakk bl-isplussivi ‘għan-nom tal-grupp terroristiku ISIS’.
Il-Prosekutur ta’ Frankfurt, Nadja Niesen, qalet li t-tlett suspettati riedu joqtlu ‘il-massimu possibbli tal-infidili ( persuni mhumiex Musulmani)’ permezz tal-attakk li kien qed ikun ippjanat fir-reġjun ta’ Rhine-Main.
Is-suspettat ewlieni miżmum mill-pulizija kien Ġermaniż ta’ 24 sena b’oriġini fil-Maċedonja. Ingħad li hu kellu l-ħsieb li jimmanifattura l-isplussivi, bir-rapporti jsostnu li r-raġel anki kien ipprova jixtri arma minn fuq l-Internet. Iż-żewġ kompliċi tiegħu, li wkoll inżammu taħt arrest, huma żewġ nazzjonali Torok ta’ 22 u 21 sena, rispettivament.
Qed ikun allegat li t-tlett suspettati, fil-passat, kienu identifikaw ruħhom ‘man-nies’ bħala persuni li għandhom simpatiji mal-ISIS.
Intant, il-Prosekutur Niesen qalet li, waqt tfittxija fid-dar tas-suspettat ewlieni, instabu s-sustanzi u materjal li kapaċi jintużaw għall-produzzjoni ta’ splussivi. L-awtoritajiet anki elevaw xi tagħmir minn din ir-residenza waqt li ingħad li huma għandhom ukoll ‘xi dokumenti bil-miktub flimkien ma’ data elettronika li kapaċi jgħinu fl-investigazzjoni’.
L-awtoritajiet, issa, qegħdin jippjanaw biex iressqu lis-suspettat b’oriġini fil-Maċedonja quddiem imħallef inkwerenti, fil-belt ta’ Frankfurt. Dan biex l-imħallef jiddeċiedi jekk joħroġx mandat ta’ arrest uffiċjali waqt li jordna biex ir-raġel jibqa’ jinżamm sakemm ikun suġġett għal process tal-qorti.
//= $special ?>