Futbol Sport

Glumac jispiċċa minn kowċ ta’ Tarxien

Tarxien Rainbows saru t-tieni tim mill-Kampjonat Premier li bidel it-tmexxija teknika hekk kif Marko Glumac wasal fi ftehim mat-Tarxiniżi biex ma jibqax aktar fit-tmexxija tat-tim.

Glumac kien inħatar kowċ ta’ Tarxien Rainbows ftit jiem qabel il-bidu tal-kampjonat wara r-riżenja ta’ Jose Borg. Matul is-sajf, Tarxien naqsu li jinvestu fl-iskwadra u wassal biex wara għaxar logħbiet, huma jinsabu f’qiegħ il-klassifika mingħajr punt.

Il-kowċ Serb ilu f’pajjiżna għal diversi snin, b’esperjenzi fis-settur taż-żgħażagħ ta’ Birkirkara u St. Andrews. Fil-bidu tal-istaġun 2017/18, Glumac kellu esperjenza qasira bħala kowċ ta’ St. Andrews u l-istaġun li għadda kien parti importanti mill-istaff tekniku ta’ Santa Lucia fil-kisba tal-promozzjoni għall-Kampjonat Premier.

Sa issa għadu mhux magħruf min jista’ jkun is-suċċessur tiegħu, bl-assistent kowċ Demis Scerri u l-kowċ ta’ taħt id-19-il sena Justin Pace jidhru li jistgħu jkunu fost is-suċċessuri ta’ Glumac.

Tags