HIBERNIANS……………. 82
GŻIRA ATHLETA……… 87
(24-21, 10-17, 28-20, 20-29)
Hibernians: P. Attard, W. Alhberg (20), D. Bugeja (7), K. Caruana, L. Farrugia, I. Bonett, N. Vasovic (13), A. Axiaq (11), M. Matijevic, M. Attard, C. Rowe (24), I. Demcesen (7)
Gżira Athleta: C. Crossland (16), S. Pace (2), B. Zammit, E. Sciberras, P. Shoults, L. Stefanovic (13), S. Galea (3), N. Xuereb (31), M. Buhagiar, N. Novakovic (16), I. Thiesen (6), E. Abela, R. Abela
Referees: B. Vassallo, Z. Dobrosavljevic, K. Dworniczak
Bl-aħħar sforzi tagħhom, Gżira Athleta għelbu lil Hibernians 87-82 f’logħba li ġiet deċiża fl-aħħar minuta u nofs. B’hekk huma rebħu l-kompetizzjoni għall-għaxar darba. Għalihom kien hemm nieqes l-imweġġa’ Matthew Gouder filwaqt li Peter Shoults kien inkluż iżda ma lagħbx, l-istess bħal Marco Matijevic għal Hibernians.
Iż-żagħżugħ playmaker Nathan Xuereb spikka mhux ftit għal Athleta b’total ta’ 31 punt. Hu spikka bid-dħul tiegħu fl-attakki ta’ Athleta, bid-difiża ta’ Hibernians ma rnexxielhomx irażżnuh b’aktar attenzjoni u markament.
Wara li Gżira kisbu l-ewwel ħames punti, Hibernians tjiebu u naqqsu d-distakk għal 10-9. Il-Pawlisti rnexxielhom idawru r-riżultat fl-aħħar minuti tal-ewwel perjodu u bdew it-tieni għaxar minuti 24-21 fil-vantaġġ. Hibernians bdew isibuha diffiċli biex jiksbu l-punti u wara li sa nofs il-perjodu kellhom vantaġġ minimu ta’ 31-30, fl-aħħar minuti, Athleta tjiebu u daħlu jistrieħu 38-34 minn fuq.
Hibernians ħarġu aktar determinati wara l-mistrieħu u rnexxielhom imorru fil-vantaġġ 44-40. Gżira Athleta rnexxielhom jagħmlu l-iskor 49-49 iżda Hibernians xorta baqgħu b’vantaġġ minimu ta’ erba’ punti fi tmiem it-tielet perjodu.
Sa ħames minuti mit-tmiem tal-logħba, Hibernians kienu għadhom qed igawdu vantaġġ ta’ 70-69, sakemm konklużjoni mill-bogħod tal-Amerikan Ian Thiesen poġġa lil Gżira 75-73 minn fuq. B’anqas minn minuta għat-tmiem, l-iskor kien 83-82 sakemm Stefanovic għalaq il-logħba bi tliet punti.
Fi tmiem il-logħba, il-President tal-Malta Basketball Association Paul Sultana ppreżenta t-trofew lill-plejer tal-logħba Nathan Xuereb, hekk kif Gżira Athleta kisbu t-tieni unur tal-istaġun.
//= $special ?>