Il-ġustizzja mhix ħanut tal-merċa li tmur għandu meta jkollok bżonn.
Keith Schembri għandu jitlaq.
Huwa b’dan il-mod li żewġ ġurnali lokali ewlenin u indipendenti, it-Times of Malta u The Malta Independent, indirizzaw il-kontroversja ta’ Keith Schembri u 17 Black fl-editorjali tagħhom.
Dan l-għada li Keith Schembri waqqa’ libell kontra l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex ma jixhidx u ma jirrispondix għall-mistoqsijiet tad-difiża fuq il-kumpanija sigrieta 17 Black; kumpanija li kienet inkixfet fil-Panama Papers u mill-investigazzjonijiet tal-gurnalista Daphne Caruana Galizia.
Ironikament, wara li waqqa’ l-libell…Keith Schembri prova jghid li m’għandux minn xiex jibża’.
Izda l-fatti juru mod iehor. Tant li l-editorjal tat-Times jikkritika lill-id il-leminija tal-Prim Ministru għall-mod kif hu u l-avukati tiegħu qed jużaw il-Qorti għall-bżonnijiet tagħhom.
Jinnota kif Keith Schembri mhux kredibbli meta jgħid li ma xehedx biex ma jinkriminax ruħu meta hu stess jgħid li ma kellu l-ebda għarfien li saru xi pagamenti jew trasferimenti ta’ flus f’din il-kumpanija sigrieta fil-Panama.
Jekk Keith Schembri ma kienx jaf b’dan, allura qatt ma seta’ jinkrimina lilu nnifsu, jiddikjara l-editorjal, li jinnota wkoll kif fil-Qorti, is-skiet ta’ Keith Schembri jagħti ferm x’jifhem.
Jiddikjara kif issa Keith Schembri stess qed jammetti li jekk jitkellem, jista’ jinkrimina ilu nnifsu u allura, f’ġieħ il-korrettezza politika u l-governanza tajba, il-Prim Ministru għandu jitlob spjegazzjoni. Jekk le, il-possibbiltà li Keith Schembri seta’ kiser il-liġi tħalli dell ukoll fuq il-Prim Ministru u l-Gvern kollu.
L-editorjal ta’ The Malta Independent, min-naħa l-oħra jinnota kif bl-aġir tiegħu fil-Qorti, ma fadalx fejn wieħed idur ħlief li jammetti li Keith Schembri għandu jitlaq.
Jiddikjara li b’dak l iseħħ fil-Qorti, Schembri żied id-dubji fuqu u issa, l-ħabib tiegħu Joseph Muscat m’għandux għażla ħlief li jieħu l-azzjoni li kellu jieħu mmedjatament mindu bdew l-inkjesti fil-konfront tiegħu. Jekk le, ikun qed jinsulta lill-poplu Malti u lill-politika ġusta.
Dakinhar li sehhew dawn l-izviluppi kollha fil-Qorti, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia staqsa minn xiex qed jibża’ Keith Schembri u x’qed iżomm lill-Prim Ministru milli jieħu azzjoni.
Min-naħa tiegħu Simon Busuttil fi stqarrija tenna mill-ġdid li wasal iż-żmien li l-korrotti jirriżenjaw. Dan filwaqt li fakkar li Joseph Muscat ilu żmien jiddefendi lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi fost l-oħrajn.
//= $special ?>