Lokali Parlament

Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards ma jkunx diskuss fil-Kumitat Parlamentari

Il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Istandards tal-lum li fiha kien mistenni li jkun diskuss ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar l-impjiegi ta’ deputati mal-gvern u kif dawn imorru kontra l-kostituzzjoni spiċċat biex ma ddiskutietx dan ir-rapport iżda fiha kien ppreżentat biss ir-rapport tas-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru b’reazzjoni għar-rapport tal-istess Kummissarju għall-Istandards.

Ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards George Hyzler kien qajjem kontroversja wara li fih kien dikjarat li l-impjiegi ta’ deputati mal-gvern imur kontra l-kostituzzjoni. Il-Kummissarju għall-Istandards George Hylzer kien ippropona wkoll diversi rakkomandazzjonijiet biex ikun imħares il-prinċipju tal-mertu fl-amministrazzjoni pubblika.

Kien mistenni li dan ir-rapport ikun diskuss fis-seduta tal-Kumitat Parlamentri għall-Istandards, li hu presedut mill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

Fil-bidu tal-laqgħa il-Whip Laburista Byron Camilleri qal li l-Prim Ministru kien qabbad lis-Segretarju Permanenti Mario Cutajar biex jagħmel rapport b’reazzjoni għal dak tal-Kummissarju tal-Istandards. Dan ir-rapport tas-Segretarju Permanenti kien diskuss u approvat mill-Grupp Parlamentari Laburista.

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-ewwel kellu jkun diskuss ir-rapport tal-Kummissarju u mhux ir-reazzjoni tal-Gvern. Hu sostna li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista għandu jingħata ċ-ċans li jaqra r-rapport tal-Gvern.

Simon Busuttil: “L-ewwel għandu jkun diskuss ir-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards u mhux ir-reazzjoni tal-Gvern għall-istess rapport”.

L-Ispeaker wieġeb li dan il-punt dwar id-diskusjsoni fil-kumitat kien tqajjem fl-aħħar laqgħa tal-kumitat fejn kien maqbul li llum kellha ssir diskussjoni dwar il-pożizzjoni tal-Gruppi. Hu kompla li l-Gvern qed jipproponi li wara d-diskussjoni fil-Grupp Parlamentari Laburista ir-rapport ikun diskuss f’dan il-kumitat illum.

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li m’għandux oġġezzjoni li jisma’ l-pożizzjoni tal-gvern u tal-Grupp Parlamentari Labruista iżda l-affarijiet għandhom isiru b’mod loġiku fejn l-ewwel ikun diskuss ir-rapport tal-Kummissarju tal-Istandards u jsiru l-mistoqsijiet lilu. Fhimt li l-laqgħa llum fuq hekk kienet, sostna Simon Busuttil.

Il-Whip Laburista Byron Camilleri qal li r-rapport kien ppreżenatat fil-5 ta Lulju 2019 u kompla li fil-kumitat parlamentari kien hemm qbil li l-Grupp Parlamentari Laburista jiġu lura b’opinjoni. Il-PN kellu erba’ xhur ċans biex jagħmel din it-talba jew li jitlob lill-kumitat biex jiddiskuti r-rapport tal-Kummissarju għall-Istandards. It-talba tal-Gvern hi li ssir il-preżentazzjoni u mhux qed jitlob diskussjoni iżda li s-Segretarju Parlamentari Ewlieni għandu jagħmel preżentazzjoni.

Simon Busuttil sostna li m’hemmx oġġezzjoni li fil-prinċipju jinstema’ s-Segretarju Permanenti iżda l-Kumitat għandu jiddiskuti r-rapport tal-Kummissarju u jkun hemm deċiżjoni jekk dan għandux ikun addottat. Kif allura rridu morru għar-rapport ta’ reazzjoni?, staqsa d-deputat Nazzjonalista.

Il-Ministru Edward Zammit Lewis qal li r-reazzjoni tal-Grupp Parlamentari Laburista hi pożizzjoni formali u sostna li jekk jixtieq il-Kummissarju għall-Istandards jista’ jagħmel preżentazzjoni iżda dan hu rapport li jinftiehem. Hu ppropona li għas-seduta li jmiss l-Oppożizzjoni għandha tinforma lill-kumitat dwar il-pożizzjoni tagħha.

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li l-Oppożizzjoni għandha tħejji dokument dwar dan u sostna li jittama li l-proposti fid-dokument imressqa mill-gvern huma miftuħa għad-dibattitu biex ikun hemm bilanċ bejn l-opinjonijiet taż-żewġ naħat.

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici nsista li l-Gvern m’għandux ikun magħluq għall-opinjonijiet u l-bidliet bie xikun hemm bilanċ.

Il-Whip Laburista Byron Camilleri poġġa d-dokument tal-gvern fuq il-mejda tal-kumitat.

Id-deputat Nazzjonalista Carm Mifsud Bonnici qal li l-Oppożizzjoni se tanalizza d-dokument u tara jekk hux se toġġezzjona fi stadju ulterjuri u għalhekk l-Oppożizzjoni mhix topponi f’dan l-istadju.