Ir-rapport li ħejja r-Regolatur dwar il-bejgħ ta-Ċittadinanza u li ġie ppubblikat aktar kmieni llum jikkonferma kemm id-deċiżjoni tal-Gvern Laburista li jbiegħ iċ-ċittadinanza ta’ pajjiżna kienet, għadha u se tibqa’ tagħmel ħsara lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Fi stqarrija maħruġa mill-
Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar ir-Riformi fis-Servizz Pubbliku, iċ-Ċittadinanza u s-Simplifikazzjoni tal-Proċessi Karol Aquilina qal li l-Partit Nazzjonalista ilu sa mill-bidunett iwissi li l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza hija skema li tagħti isem ħażin lil pajjiżna u tirvina r-reputazzjoni tajba li pajjiżna rnexxielu jikseb fuq numru twil ta’ snin.
Ir-rapport tar-Regolatur bl-ebda mod ma jiċħad dak li ġie żvelat mill-ġurnalisti Franċiżi li d-ditta legali nvoluta fil-bejgħ tal-passaporti nqabdet tiftaħar li għandha rabtiet u influwenza fuq il-Prim Ministru u bosta Ministri tal-Gvern Laburista. Dan kollu jammonta għal reat ta’ trading in influence li dwaru ftit tal-jiem ilu l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ordnat li tinbeda inkjesta. Ir-rapport tar-Regolatur bl-ebda mod ma jiċħad li d-ditta legali nvoluta ngħatat trattament preferenzjali mill-Gvern Laburista saħansitra b’reklami li ġew iffilmjati fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru bil-barka tal-Prim Ministru u bl-involviment dirett tas-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli.
Ir-rapport tar-Regolatur lanqas ma jiċħad l-għadd kbir ta’ każjiet li ġew żvelati dwar persuni li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija u li qegħdin jaffaċċjaw akkużi serji ta’ reati kriminali fosthom dawk ta’ frodi, ħasil ta’ flus (money laundering), qerq ta’ investituri, kuntradandu u evażjoni ta’ taxxa u tariffi. Dawn il-każijiet iġibu fix-xejn il-ftaħir tal-Gvern Laburista li l-persuni li qed jixtru ċ-ċittadinanza Maltija qed jgħaddu mill-aqwa proċess ta’ due diligence u li huma persuni li għandhom talenti kbar.
Fir-rapport tiegħu r-Regolatur ikkonferma wkoll li l-liġi li għadda l-Gvern Laburista biex ibiegħ iċ-ċittadinanza (Avviż legali 47/2014) tagħmilha possibbli li persuni li għandhom rekord kriminali jixtru ċ-ċittadinanza Maltija. Fid-dawl ta’ dan kollu l-PN qiegħed mill-ġdid jinsisti li l-Gvern Laburista għandu fl-interess nazzjonali b’mod immedjat jissospendi l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.
//= $special ?>