Futbol Sport

Is-Super Cup Spanjola se ssir f’Jannar li ġej fl-Arabja Sawdija

(Ritratt: EPA)

It-tournament tas-Super Cup Spanjola se jintlagħab fl-Arabja Sawdija f’Jannar tas-sena d-dieħla. F’din l-edizzjoni se jieħdu sehem Barcelona, Real Madrid, Atletico Madrid u Valencia, bil-logħob se jintlagħbu fil-King Abdullah Sports City f’Jeddah li jilqa’ 62,000 spettatur.

Barcelona jilagħbu kontra Atletico Madrid u Valencia jiltaqgħu kontra Real Madrid bejn it-8 u t-12 ta’ Jannar, biż-żewġ rebbieħa jiltaqgħu fil-finali. Fil-passat is-Super Cup kienet issir fuq żewġ logħbiet bejn ir-rebbieħa taż-żewġ kompetizzjonijiet fi Spanja.

Stqarrija tal-Federazzjoni Spanjola qalet li t-tournament se jevita l-problema ta’ ħafna logħob f’xulxin u tħalli l-klabbs jippreparaw aħjar il-pre-season tagħhom. Il-Federazzjoni qalet ukoll li l-fatt li se tintlagħab barra Spanja, se żżid il-valur tal-kompetizzjoni filwaqt li ttejjeb id-dehra u l-viżibbiltà tagħhom bl-għan li jippruvaw jorganizzaw it-Tazza tad-Dinja tal-2030.

F’dan it-tournament se jibdew jieħdu sehem l-ewwel żewġ timijiet li spiċċaw  La Liga fl-ewwel żewġ postijiet u r-rebbieħa u l-finalisti tat-Tazza tar-Re tal-istaġun ta’ qabel, jew it-timijiet li jispiċċaw it-tielet u r-raba’ fil-kampjonat.