Futbol Sport

Jefferson de Assis jirbaħ il-Plejer tax-Xahar għal Ottubru

(Ritratt: BOV)

L-attakkant ta’ Gżira United Jefferson de Assis rebaħ l-unur tal-BOV Plejer tax-Xahar għal Ottubru. Il-Brażiljan ta’ 25 sena kien parti importanti fit-tim ta’ Gżira United li rebaħ it-tliet konfronti kontra Valletta, Birkirkara u Gudja United f’dan ix-xahar.

Fit-3 ta’ Ottubru, Gżira United rebħu 3-1 kontra Valletta. De Assis skorja doppjetta meta rdoppja l-vantaġġ Gżirjan fid-59 minuta. Minn passaġġ fit-tul ta’ Gianmarco Conti, l-Brażiljan rebaħ dwell ma’ Jonathan Caruana u għeleb lil Henry Bonello b’xutt fil-baxx. Għaxar minuti wara, hu għeleb in-nasba tal-offside u qabbeż fuq Bonello.

Jefferson skorja erba’ gowls fir-rebħa kbira li Gżira United kellhom fuq Gudja United bl-iskor kbir ta’ 6-1. Hu fetaħ l-iskor wara żewġ minuti b’daqqa ta’ ras biex għamel l-iskor 3-0 fit-28 minuta b’xutt mill-viċin. L-attakkant eks Sliema kompla jkabbar l-iskor fit-tieni taqsima meta skorja r-raba’ u l-ħames gowl, b’daqqa ta’ ras u konklużjoni bix-xellug rispettivament.

De Assis irċieva t-trofew mingħand l-Uffiċjal Kap tal-Bank of Valletta Anthony Scicluna. Il-plejer għażel lil Caritas Malta biex jibbenefikaw mid-donazzjoni ta’ karità mill-BOV assoċjata ma’ dan l-unur.

L-attakkant ta’ Gżira hu t-tielet plejer li rebaħ dan l-unur f’dan l-istaġun wara li Jake Grech ta’ Hibernians u Diego Venancio ta’ Floriana rebħu l-Plejer tax-Xahar għal Awwissu u Settembru.