Lokali

Kurt Farrugia spiċċa jaħrab mill-midja

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise, Kurt Farrugia, spiċċa jistaħba minna … fil-veru sens tal-kelma.

NET News ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat li talab lil Kurt Farrugia, l-eks Kap tal-Komunikazzjoni tal-Prim Ministru Muscat, biex jgħaddi kopja tal-kuntratt straordinarju tiegħu, b’salarju u benefiċċji li se jlaħħqu sa €500 KULJUM.  Kemm verbalment kif ukoll b’mod uffiċjali skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.

Waqt attività pubblika fl-uffiċċji tal-istess Malta Enterprise, u li għaliha kienet mistiedna l-media, kulmeta jara l-camera ta’ NET News, Kurt Farrugia pprova jistaħba.

U fi tmiem l-attività, qagħdna nistennewh barra l-bini, biex nieħdu kumment. Iżda filwaqt li l-assistenti tiegħu qalulna li se jiġi biex jagħtina kumment, Kurt Farrugia kompla jinjorana.

Sakemm fl-aħħar, qabad u mar fuq il-cameraman ta’ NET News li kien fuq xogħolu waqt l-attività pubblika f’post pubbliku.

Għal dawn l-aħħar ġimgħat, Kurt Farrugia ilu jgħid li se jgħaddilna kopja tal-kuntratt ta’ ingaġġ bħala Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise.

Iżda għaddew aktar minn ġimgħatejn u, minkejja li saret talba uffiċjali skont l-Att Dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, dan il-kuntratt għadu ma wasalx, minkejja li fi kliem l-istess Farrugia, dan kien jgħaddih immedjatament.

Issa, Kurt Farrugia qed jistaħba minna u jipprova jkeċċina.