Futbol Sport

L-aħħar darba li Floriana kienu fil-quċċata wara għaxar logħbiet spiċċaw biex rebħu l-kampjonat

(Ritratt: In-Nazzjon)

Stewart Said

Id-dilettanti tal-futbol qed jitkellmu dwar il-bidu pożittiv li kellhom Floriana f’dan il-kampjonat. Ħafna qed isostnu li Floriana ilhom ma jkunu f’din il-pożizzjoni għal żmien twil. Proprju minn riċerka dettaljata li għamilt, sibt li l-aħħar darba li Floriana kienu fil-quċċata wara għaxar logħbiet fil-kampjonat kien fl-istaġun 1992/93, jiġifieri l-istaġun li fih rebħu l-25 u l-aħħar kampjonat mirbuħ minnhom.

Matul dawn is-26 sena, il-format tal-kampjonat inbidel diversi drabi u għalhekk ħafna jistgħu jiddiskutu l-andament tal-kampjonat f’dak l-istaġun partikolari. Minn rebħa tgħodd għal żewġ punti f’kampjonat ta’ żewġ rawnds u 10 timijiet, għal kampjonati bi tliet rawnds b’10 timijiet, biċ-championship u relegation pool, bil-punti jinqasmu, bi 12-il tim u tliet rawnds u b’14-il tim u b’żewġ rawnds.

(Ritratt: In-Nazzjon)

L-istaġun 1992/93

F’dak l-istaġun tal-1992/93, Floriana kienu għadhom bla telfa bħal f’dan l-istaġun, u kisbu tmien rebħiet u żewġ draws kontra s-seba’ rebħiet u tliet draws f’dan l-istaġun. Bil-format ta’ dak iż-żmien b’10 timijiet u b’żewġ rawnds, 10 logħbiet kienu jfissru l-bidu tat-tieni rawnd. Dak iż-żmien rebħa kienet tfisser żewġ punti u għalhekk bil-punti tal-lum jfissru li kellhom 26 punt.

Dakinhar, huma kellhom 18-il punt, erbgħa aktar minn Ħamrun Spartans u sitta aktar minn St. Andrews u Valletta. Bil-punti tal-lum, Floriana kien ikollhom vantaġġ ta’ ħames punti fuq Ħamrun Spartans, sitta fuq St. Andrews b’logħba anqas u disa’ punti fuq Valletta. F’dan l-istaġun, Floriana għandhom 24 punt, erbgħa aktar minn Sirens, ħamsa fuq Gżira United u sitta fuq Valletta. Aktar minn hekk, dakinhar Floriana kienu skorjaw 19-il gowl u sofrew sitt gowls filwaqt li f’dan l-istaġun skorjaw 21 gowl u sofrew sitt gowls ukoll. Kumbinazzjoni?

L-istorja ta’ Floriana fl-aħħar 26 sena

Minn dakinhar, Floriana qatt ma kienu fil-quċċata wara għaxar logħbiet u lanqas kienu fit-tieni post f’dawn is-snin kollha. L-aħjar li kienu wara dan il-perjodu, kien f’ħames staġuni partikolari meta kienu fit-tielet post. Dawn kienu fl-istaġun 1996/97, 1997/98, 1999/00, 2007/08, 2011/12. Minn dawn il-ħames staġuni, Floriana spiċċaw darba t-tielet, darbtejn ir-raba’ u darbtejn il-ħames.

F’dawn is-snin kollha, Floriana lagħbu darba fiċ-Champions League, darba fit-Tazza tat-Tazzi, darba, fit-Tazza UEFA, erba’ darbiet fit-Tazza Intertoto u tliet darbiet fl-Europa League. Għajr fl-istaġun ta’ wara li rebħu l-kampjonat, Floriana prattikament ma sfidawx għar-rebħ tal-kampjonat. Kien fl-istaġun 1993/94 u 2010/11 meta Floriana spiċċaw fit-tieni post. Jekk f’25 sena sfidaw f’kampjonat mirbuħ minn Hibernians, fl-istaġun l-ieħor mirbuħ minn Valletta, Floriana kienu distakkati hekk kif spiċċaw il-kampjonat tmien punti wara l-Beltin.

Il-partitarji Furjaniżi bir-raġun qed joħolmu li dan jista’ jkun l-istaġun tagħhom. Mill-aħħar kampjonat mirbuħ minnhom, huma nqabżu minn Sliema Wanderers fir-rebħ ta’ kampjonati filwaqt li din is-sena ntlaħqu minn Valletta, raġuni li setgħet qajmet lill-klabb Furjaniż biex jagħmel sforz żejjed u jtejjeb it-tim b’mod sinifikanti.

(Ritratt: Matthew Tabone)

Fl-ewwel għaxar logħbiet tal-istaġun 1992/93, Floriana rebħu 2-0 kontra St. George’s u 2-1 kontra Ħamrun Spartans, ġew draw 0-0 kontra Valletta u draw ta’ 2-2 kontra St. Andrews filwaqt li kisbu sitt rebħiet konsekuttivi kontra Sliema Wanderers 4-2, Birkirkara 1-0, Rabat Ajax 3-1, Mellieħa 3-0, Hibernians 1-0 u St. George’s 1-0.

Fl-ewwel għaxar logħbiet ta’ dan l-istaġun, Floriana rebħu 1-0 kontra Birkirkara u 1-0 kontra Balzan, inċidentalment kisbu żewġ draws konsekuttivi ta’ 1-1 kontra Valletta u 0-0 kontra Gżira United. Imbagħad rebħu ħames logħbiet konsekuttivi kontra Gudja United 2-0, Tarxien Rainbows 2-1, Sirens 4-1, Senglea Athletic 5-0 u Mosta 3-1, bl-aħħar konfront tal-Ħadd li għadda kontra Hibernians intemm 2-2. Min hu superstizzjuż żgur jemmen li dan l-istaġun hu ta’ Floriana. Nistennew u naraw.