Lokali

L-Isptar Monte Karmeli invażat bil-firien jiġru qalb l-infermiera u l-pazjenti

L-Isptar Monte Karmeli bħalissa għaddej minn sitwazzjoni diffiċli ta’ infestazzjoni ta’ ġrieden u firien f’diversi bnadi tiegħu.

Infermiera li tkellmu magħna, kif ukoll qraba ta’ pazjenti rikoverati fl-Isptar Monte Karmeli, tkellmu magħna dwar kif firien b’daqs ta’ qtates dehru jiġru fil-btieħi tal-isptar, instemgħu jiġru minn ġos-suffett u saħansitra ħierġa bil-gzuz mill-katusi.

Impjegati tal-Isptar, imwerwra wara li spiċċaw jaffaċċjaw dawn il-ġrieden, spjegawlna kif kellhom ineħħu anke ġrieden mejta mill-kċina fejn iżommu l-ikel tagħhom.

Spjegawlna wkoll li wħud qed ikollhom jissaportu l-bżonnijiet tagħhom għax huma mbeżża’ li jitla’ xi ġurdien mid-dranaġġ waqt li jkunu qed jużaw il-kmamar tal-banju.

Net News jinsab infurmat li dwar din is-sitwazzjoni saru diversi rapporti informali u li meta l-impjegati tkellmu mal-amministrazzjoni, kellhom konferma li l-katusi tal-isptar huma mimlija ġrieden.

Għalkemm l-isptar hu mdawwar mill-għelieqi, fejn bla dubju wieħed jistenna li jsib il-ġrieden u l-firien, dawn żgur mhux posthom jiġru fl-isptar. Filfatt, is-siwtazzjoni qed tqajjem tħassib serju għas-saħħa tal-impjegati, viżitaturi u l-pazjenti, inkluż tfal rikoverati f’dan l-isptar.

Dan għaliex hu fatt magħruf li l-pazjenti miżmuma f’dan l-isptar huma persuni vulnerabbli, li f’xi każi mhux kapaċi jikkomunikaw. Sitwazzjoni li tfisser li, jekk Alla ħares qatt xi ħadd minnhom jingidem minn xi ġurdien, ma jkunx possibbli li jingħata kura immedjata.

Dan is-sit bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru tas-Saħħa kif ukoll lill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Monte Karmeli, Stephen Sultana.  Staqsejna fost oħrajn meta sar l-ewwel rapport dwar din is-sitwazzjoni u kemm saru rapporti minn dak iż-żmien, kif ukoll x’azzjoni ttieħdet biex is-saħħa tal-impjegati u l-pazjenti titħares.

Kien biss wara l-pubblikazzjoni ta’ din l-istorja li dan l-istazzjoni irċieva sentenza, b’risposta mill-awtoritajiet, li jgħidu li mhux infurmati b’infestazzjoni tal-ġrieden.