Lokali Parlament

Liġi li toħnoq il-libertà tal-espressjoni

  • Edwin Vassallo, PN

id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo sostna li l-Liġi dwar il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza se twassal biex toħnoq il-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż.

Fil-parlament Edwin Vassallo qal li anki l-Ministru Evarist Bartolo kien kiteb dwar liġi għall-allat u liġi għall-annimali. Hu sostna li l-biża’ tiegħu hu li minkejja l-intenzjonijiet li jistgħu jkunu tajbin – minkejja li xettiku – din il-liġi tista’ tkun għodda li tkun liġi għall-allat iżda mhux l-istess liġi għall-annimali.

Edwin Vassallo appella biex ma tinħoloqx diskriminazzjoni oħra permezz ta’ din il-liġi u sostna li ż-żewġ liġijiet dwar l-ugwaljanza kellhom jitressqu aħjar milli tressqu.

Id-deputat Nazzjonalista qal li din il-liġi jrid jaħdem biha l-Kummissarju tal-Ugwaljanza u l-Bord. Hu spjega li l-liġi tispeċifika li kull persuna li tallega li xi persuna jew entità ikkommettiet xi att ta’ diskriminazzjoni tista’ tressaq ilment quddiem il-kummissjoni biex ikun hemm investigazzjoni. Il-Ministru Zammit Lewis ma qalx il-verità u mhux iwieġeb il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni.

Edwin Vassallo rrifera għall-kelma ‘tqala’ fil-liġi u sostna li din tinkludi kwalunkwe kundizzjoni relatata ma’ tqala jew l-intenzjoni jew il-potenzjal tagħha. Hu staqsa jekk din l-interpertazzjoni wiesa’ tfissirx li persuna jitlob lill-kummissjoni li jħossu diskriminat li f’Malta ma tistax tagħmel abort għaliex f’pajjiżi barranin jista’ jsir abort. Edwin Vassallo qal li b’din il-liġi kulħadd jista’ jittella’ quddiem il-Kummissjoni anki jekk ikun saċerdot jew politiku.

Hu sostna li hu diskriminazzjoni l-fatt li xi ministri tneħħew minħabba dak li wettqu mpjegati tagħhom iżda l-Prim Ministru ma jitlaqx minħabba dak li wettaq iċ-Chief of Staff tiegħu stess.

Din il-liġi hi anti kostituzzjonali għax il-Qorti Kostituzzjonali kienet ħadet pożizzjoni li l-ebda istituzzjoni oħra ma tista’ twaħħal multi. Il-periklu ta’ din il-liġi hu li, intenzjonalment, hi vaga ħafna fl-interpretazzjoni bl-iskop li dan ikun jista’ jintuża kontra min għandha tintuża.

Hu qal li jibża’ li l-iskop ta’ din il-liġi hu l-marksiżmu fl-aqwa tiegħu fejn se tinħoloq diskriminazzjoni ma’ min jesprimi opinjoni fuq minoranza. Din il-liġi mhux se tintuża biex tiġġieled id-diskriminazzjoni iżda biex tillimita l-libertà tal-espressjoni.

Edwin Vassallo staqsa fejn hi l-Knisja biex titkellem fuq il-liġi u staqsa wkoll għaliex hawn daqshekk skiet dwar din li-liġi. Hu qal li ma jafdax lill-gvern b’din il-liġi għaliex dan hu l-istess gvern li ħonoq l-istituzzjonijiet. Din hi liġi li thedded il-libertà tal-espressjoni għaliex id-definizzjoni ta’ fastidju hu wiesa’ wisq, sostna Ediwn Vassallo.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li din il-liġi tista’ twassal għal dittatura morali fil-pajjiż fejn jissikket min għandu jissikket kif kienet imsikkta Daphne Caruana Galizia. Id-deputati tal-Gvern joħolqu intimidazzjoni anki fil-parlament; aħseb u ara x’jista’ jsir hemm barra ma’ min hu dgħajjef.