Sport Sport Ieħor

Maurice Formosa u Marie Claire Aquilina jirbħu l-kampjonati nazzjonali tal-Cross Country

(Ritratti: Angie Conti)

L-istaġun tal-Cross Country fil-Mountain Bike għal din is-sena ntemm fl-aħħar jiem meta l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Mountain Bike organizzat il-kampjonat nazzjonali Trustmoore fil-Park Nazzjonali tal-Majjistral, post li hu magħruf għaż-żoni esposti u tekniċi. Il-bidliet żgħar li saru kienu aktar tekniċi u b’hekk ir-rotta ġiet aktar iebsa iżda eċċitanti.

Madwar 50 ċiklista ħadu sehem f’diversi kategoriji. Maurice Formosa ta’ The Cyclist għalaq l-istaġun billi kkonferma ruħu bħala rebbieħ tal-kategorija Elite. Dan l-istaġun għalih kien partikolari minħabba li rtira fl-ewwel tellieqa tal-istaġun u kellu jieqaf xi ġimgħat minħabba li kien imweġġa’.

Il-kategorija tan-nisa reġgħet intrebħet minn Marie Claire Aquilina ta’ Team Greens. Hi wkoll kellha problemi iżda f’din it-tellieqa, hekk kif kellha problemi tekniċi fl-ewwel dawra u saħansitra puncture fit-tieni dawra. Iżda l-esperjenza tagħha wasslet biex reġgħet rebħet il-kategorija.

Bernard Sant ta’ Mosta AF Sign Studio CC rebaħ il-kategorija Sport, Paul Zarb ta’ The Cyclist ħareġ rebbieħ fil-kategorija Masters 40+ u Brian Magri ta’ The Cyclist ukoll rebaħ il-kategorija Masters 50+. Clyve Chetcuti ta’ Mosta AF Sign Studio CC rebaħ il-kategorija Juniors u l-kategorija E-Bikes intrebħet minn Robert Magro.

Il-President tal-Malta Mountain Bike Association Pierre Zammit Endrich qal li dan l-istaġun “ta dak li riedu ċ-ċiklisti, b’rotot iebsa mifruxa madwar il-gżira, kompetizzjoni qawwija u mumenti eċċitanti fuq ir-rotot l-aktar tekniċi. Rajna uċuħ ġodda, wirjiet promettenti. Ma stajtx inkun aktar kuntent.”

Il-kampjonati nazzjonali kienu sponsorjati minn Trustmoore Corporate Services bl-appoġġ ta’ AF Sign Studios, Go & Fun, Maypole, Magri Cycles, Jimmy Vella u H2Only.