Ir-Regolatur tal-Bejgħ tal-Passaporti, Carmel De Gabriele, insista li hu mhux l-awtorita’ kompetenti sabiex jiddetermina l-awtentiċita’ tal-allegazzjonijiet li ħarġu fuq il-media Franċiża dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija.
F’rapport li għamel, ir-Regolatur, filwaqt illi jgħid li ma jara li hemm xejn ħażin fil-mod kif qed isir il-bejgħ tal-passaporti, fl-istess nifs jiddikjara li hu mhux f’pożizzjoni li “jinterpreta sew l-allegazzjonijiet li saru f’din il-laqgħa li ġiet irrekordjata” mal-ġurnalisti Franċiżi. Anzi, imur oltre minn hekk.
De Gabriele jinsisti li jekk dak li ħareġ mill-istazzjon M6 jirriżulta li jkun vera, it-tort huwa fuq l-aġent li kien qed iħaddem din l-iskema – f’dan il-każ, id-ditta legali Chetcuti Cauchi.
Meta faqqa’ dan l-iskandlu ġdid, il-liċenzja ta’ Chetcuti Cauchi kienet ġiet irtirata. Il-Gvern iżda fl-ebda ħin ma ssospenda l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti.

L-Oppożizzjoni kienet kitbet uffiċjalment lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi tal-Parlament (PAC) sabiex minnufih jifli l-każ li ġie żvelat mill-media Franċiża fejn ditta nvoluta fil-bejgħ tal-passaporti nqabdet tiftaħar li għandha rabtiet u influwenza fuq il-Prim Ministru, Ministri u Segretarji Parlamentari oħra tal-Gvern Laburista.

Rappreżentanti tad-ditta Chetcuti Cauchi kienu nqabdu b’kamera moħbija jikkummentaw dwar il-manuvri tagħhom biex ibiegħu l-passaporti bl-iskema tal-IIP.
F’waħda mill-istqarrijiet li l-aktar tixxokja, wieħed mir-rappreżentanti jispjega kif fil-proċess biex tikseb il-passaport Malti b’din l-iskema “jistgħu jagħlqu għajnejhom”. Dan apparti li l-produzzjoni tirreferi għat-tmexxija tal-Gvern f’Malta bil-frażi “ġenna ta’ korruzzjoni”.
Il-ġurnalisti Franċiżi kienu qed jippużaw taparsi aġenti ta’ klijenti fl-Afrika li riedu jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.