L-eks First Lady tal-Istati Uniti, Hillary Clinton, qalet li hi ‘ħaġa tal-mistħija’ li l-Gvern Britanniku baqa’ ma pubblikax rapport dwar allegat indħil mir-Russja fil-politika tar-Renju Unit. Filwaqt li dan ir-rapport, illum, jista’ joħroġ mingħajr ma jippreġudika s-sigurtà, mhux mistenni li l-kontenut tiegħu jsir magħruf, pubblikament, qabel il-poplu Britanniku jivvota fl-elezzjoni ġenerali ta’ pajjiżu, fit-12 ta’ Diċembru.
Madankollu, Hillary Clinton li kienet ikkuntestat ( u tilfet) l-aħħar elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti għan-nom tal-Partit Demokratiku sostniet, mal-BBC, li ‘kull persuna bid-dritt tal-vot fir-Renju Unit ħaqqa tara dan ir-rapport qabel issir l-elezzjoni’. Fl-istess ħin, kelliema għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru Britanniku f’Downing Street ( Londra) ċaħdu li ‘qegħdin jippruvaw iżommu lura ċerta informazzjoni’.
Ir-rapport imħejji mill-Intelligence and Security Committee tal-Parlament Britanniku jevalwa l-attività tar-Russja b’ konnessjoni mad-demokrazija fir-Renju Unit. Dan meta r-rapport jinkludi allegazzjonijiet ta’ spjunaġġ, indħil f’elezzjonijiet u inizjattivi biex jiddgħajjfu l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-Britanniċi.
Fl-istess ħin, ir-rapport jinkludi ‘provi’ li kienu ġabru s-servizzi sigrieti tar-Renju Unit ( f’dan il-każ il-GCHQ, l-M15 u l-M16) u li jikkonċernaw l-attentati sigrieti tar-Russi biex jinfluwenzaw ir-riżultati tar-referendum tal-2016 dwar il-futur tal-Britanniċi fi ħdan l-Unjoni Ewropea, flimkien mal-elezzjoni ġenerali (fir-Renju Unit) tal-2017.
Ir-rapport kien iffinalizzat f’Marzu u preżentat lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tar-Renju Unit fis-17 ta’ Ottubru. Sadanittant għad irid jingħata l-permess għall-pubblikazzjoni tar-rapport u li mgħandux ikun ikkonfermat qabel jum l-elezzjoni. Filwaqt li d-deputati imal-Intelligence Committee ikkritikaw ‘din is-sitwazzjoni’, il-Gvern ta’ Londra insista li mhemm xejn straordinarju dwar iż-żmien iffissat għall-pubblikazzjoni tar-rapport.
//= $special ?>