Formula 1 Sport

Wolff mhux se jkun preżenti fil-Grand Prix tal-Brażil

(Ritratt: EPA)

Il-kap tal-Mercedes Toto Wolff se jitlef il-Grand Prix ta’ din il-ġimgħa fil-Brażil, f’dik li se tkun l-ewwel tellieqa li se jfalli minn meta ngħaqad mat-tim lura fl-2013. Ir-raġuni prinċipali hi li Wolff se jibqa’ fl-Ewropa biex jiffoka fuq suġġetti oħra li għadhom miftuħa. L-aktar persuna eżekuttiva għolja se jkun id-Direttur Tekniku James Allison.

Wolff iżda nsista li Mercedes iridu jtemmu l-istaġun fuq bl-aħjar mod minkejja li diġà kisbu kemm il-kampjonat tas-sewwieqa kif ukoll dak tal-kostrutturi. Fost is-suġġetti li għadhom miftuħa u Wolff mistenni jiffoka fuqhom, hemm in-negozjati li għadhom għaddejjin mal-Formula 1 dwar l-istrutturi ġodda kummerċjali u governattivi li se jidħlu mill-2021. Dawn isegwu t-tħabbira tar-regoli tekniċi ġodda fi tmiem ix-xahar li għadda.