Lokali Qorti

6 xhur ħabs, liċenzja sospiża u €2,000 multa wara li tajjar anzjan

L-anzjan kien miet ftit tal-jiem wara l-inċident

6 xhur ħabs u liċenzja tas-sewqan sospiża għal ħames snin għal raġel ta’ 38 sena mill-Floriana, wara li instab ħati b’sewqan perikoluż u li tajjar anzjan waqt li kien qed jaqsam minn fuq zebra crossing.

Il-każ seħħ fil-21 t’Awwissu tal-2016 meta Joseph Piscopo kien qed isuq il-karozza BMW tiegħu fl-Imsida.

Skont Piscopo, l-anzjan, Salvatore Attard ta’ 79 sena mill-Pietà, qasam it-triq ftit metri bogħod miz-zebra crossing. Is-sewwieq qal li ma kellux spazju fejn jimmanuvra biex jevita l-inċident.

Il-Qorti nnutat li l-kundizzjonijiet tat-triq kienu tajbin fil-ħin tal-inċident, ma kienx hemm ilma u l-anzjan kien diġa wasal tlett kwarti tat-triq meta ntlaqat mill-vettura, bl-impatt ikun qawwi tant li l-karozza BMW sofriet ħsarat estensivi u l-anzjan jittajjar aktar minn 18-il metru.

Fis-sentenza tagħha il-Magistrat Doreen Clarke qalet li s-sewwieq għandu dejjem ikun attent għal dak li qed jiġri madwaru, mhux biss meta joqrob lejn Zebra Crossing imma kull ħin. Hi nnutat ukoll li fil-post tal-inċident ma kienx hemm marki tat-tyres li jindika li s-sewwieq fl-ebda ħin ma nduna bl-anzjan.

L-akkużat, Joseph Piscopo, gie mmultat ukoll elfejn ewro.

Għall-familja tal-vittma dehru l-avukati Joe Giglio u Sarah Mifsud.