Futbol Sport

Birkirkara se jilagħbu partita ta’ ħbiberija kontra Cork City

Iċ-champions lokali Birkirkara se jkunu qed jilagħbu partita ta’ ħbiberija kontra t-tim Irlandiż Cork City FC. Il-logħba kontra t-tim mill-ogħla diviżjoni Irlandiża, se tintlagħab il-Ġimgħa 22 ta’ Novembru fit-8.15pm fis-Sirens Stadium. Id-dħul għal din il-logħba hu mingħajr ħlas.

Jidher li din il-logħba se tkun waħda minn sensiela ta’ logħbiet ta’ ħbiberija li Birkirkara se jilagħbu biex ikomplu jtejbu t-tim tagħhom. Logħbiet bħal dawn iservu biex il-plejers jiksbu esperjenza kontra timijiet barranin li uħud minnhom jistgħu jilagħbu kontrihom fil-UEFA Champions League, dejjem jekk Birkirkara jikkonfermaw posthom bħala l-aqwa tim fil-futbol tan-nisa.

Il-klabb ta’ Cork City twaqqaf fl-2011. Fl-aħħar konfront tagħhom il-Ħadd li għadda, huma spiċċaw 1-1 kontra Wexford Youths biex spiċċaw fil-ħames post fil-kampjonat. Inċidentalment, Wexford Youths kienu wieħed mill-avversarji ta’ Birkirkara fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, bit-tim Irlandiż jirbaħ 7-2.