Futbol Sport

David Villa se jirtira kif jispiċċa l-istaġun fil-Ġappun

(Ritratt: EPA)

L-attakkant David Villa ħabbar li se jirtira minn plejer tal-futbol fi tmiem l-istaġun Ġappuniż meta jkollu 38 sena. Fil-preżent, Villa jilgħab mat-tim tal-Kampjonat J1 Vissel Kobe, l-istess tim li miegħu jilgħab Andres Iniesta. Villa hu l-aqwa skorer ta’ kull żmien ta’ Spanja b’59 gowl fi 98 logħba u magħhom rebaħ il-Kampjonat Ewropew fl-2008 u t-Tazza tad-Dinja fl-2010.

Fl-aħjar snin tal-karriera tiegħu, Villa kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa attakkanti fl-Ewropa. Hu għamel isem għalih innifsu ma’ Valencia fejn skorja aktar minn 100 gowl f’ħames snin u magħhom rebaħ it-Tazza tar-Re fl-2008, l-istess kompetizzjoni li rebaħ ma’ Real Zaragoza erba’ snin qabel.

Fl-2010 hu ngħaqad ma’ Barcelona u fit-tliet staġuni fil-Camp Nou, rebaħ darbtejn il-La Liga, it-Tazza tar-Re kif ukoll il-UEFA Champions League fl-2011. Villa kien ingħaqad ma’ Atletico Madrid fl-2013 u kien fit-tim li rebaħ il-La Liga. It-tlettax-il gowl tiegħu f’36 logħba kienu għenu lill-Madrileni jiksbu l-ewwel kampjonat tagħhom mill-1996.

Wara dak l-istaġun fl-età ta’ 32 sena, Villa ħareġ minn Spanja u lagħab ma’ New York City fl-Istati Uniti, ma’ Melbourne City fl-Awstralja u proprju ma’ Vissel Kobe fil-Ġappun. Huma jridu jilagħbu s-semifinali tat-Tazza tal-Imperatur fil-21 ta’ Diċembru u jekk jikkwalifikaw jilagħbu l-finali fl-1 ta’ Jannar. Hekk kif jirtira, Villa se jkun wieħed mill-investituri ta’ Queensboro FC f’New York li se jidħlu fit-tieni diviżjoni tal-futbol Amerikan mill-2021.