Lokali Parlament

Gvern bla pjan fl-ambjent

  • Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus qal li dan il-gvern mgħandux pjan fit-tul fis-settur ambjentali.

F’diskors fil-parlament fuq il-Liġi dwar l-Eko-Kontribuzzjoni, Ryan Callus rrifera għar-rapport dwar is-sitwazzjoni ambjentali tal-2018; li hu ritratt tas-sitwazzjoni ambjentali fil-pajjiż.

L-ekonomija bbażata fuq il-popolazzjoni mhix l-ekonomija ideali għal Malta. Iż-żieda fil-popolazzjoni f’Malta ġabet reazzjoni u kellha effetti negattivi. It-trasport u l-iskart huma ewlenin fost il-problemi fejn hu evidenti li fil-pajjiż hawn problema kbira tal-iskart partikolarment dak tal-kostruzzjoni.

Ryan Callus qal li kien ġurnal indipendenti li ħareġ bl-istorja li kien qed isir rimi ta’ skart fis-sit tal-park nazzjonali f’Ta’ Qali iżda ma tressaq ħadd dwar dan l-abbuż. Fil-pajjiż m’hawnx fejn jintrema l-iskart tal-kostruzzjoni. Terz tal-permessi li ngħataw kienu f’ODZ, sostna Ryan Callus, li kompla li llum Gvern Laburista qed jagħmel ħafna agħar minn dak li kien isir fi żmien gvern Nazzjonalista. Hu semma’ l-impjanti tal-batching f’Malta u qal li ħafna mis-17 l-impjant li hawn qed jaħdmu bla permess.

Ryan Callus ikkwota dak li qal Afred Sant meta sostna li donnu dan il-gvern Laburista warrab għal kollox kull sens ta’ infurzar. Il-pajjiż qed ifalli apposta f’dan is-settur għaliex il-gvern jaf b’ħafna affarijiet li qed isiru illegali iżda jħallihom għaddejjin. Hu qal li minkejja r-rapporti li saru ma sar xejn dwar l-imwejjed u s-siġġijiet quddiem it-Teatru Rjal fil-Belt.

Ryan Callus qal li fil-pajjiż dan il-gvern daħħal il-mentalità ta’ liġi għall-allat u liġi għall-annimali. Hu kompla li stħarriġ tal-Eurobarometer juri li l-aktar problemi li jikkonċernaw lill-Maltin huma l-immigrazzjoni u l-ambjent. Il-PN ippropona diversi proposti fis-settur ambjentali fosthom dwar il-problema ta’ arja ħażina fiż-żona tal-Port il-Kbir partikolarment kaġunata mill-emissjonijiet li joħorġu miċ-ċmieni tal-cruise liners.

Il-Gvern jeħtieġ li jieħu iktar azzjonijiet fuq it-tniġġiż tal-arja fil-pajjiż fejn it-traffiku qed jimpatta bil-kbir fit-tniġġiż tal-arja. Il-gvern qed jiżbalja għaliex it-twessiegħ tat-toroq mhux soluzzjoni fit-tul iżda soluzzjoni għal din il-leġiżlatura. Il-gvern m’għandux viżjoni fit-tul u jeħtieġ li l-pajjiż ikollu mezzi alternattivi li joperaw b’ħeffa biex tibda tissolva l-problema.