Lokali

‘Hemm bżonn li jsir studju dwar l-effetti tal-kiri għal żmien qasir’ – Il-Bank Ċentrali

Medja ta’ 2,400 ewro fix-xahar għall-ospitanti ta’ residenzi ta’ AirBnBs. Fi studju li sar, jidher illi l-prezz medju ta’ kull lejl f’dawn ir-residenzi għall-kirja qasira huwa ta’ madwar 80 ewro, b’total ta’madwar 8,800 residenza tintuża għall-kiri ta’ żmien qasir.

L-istudju li sar fuq statistika li ħarġet fuq il-pjattaforma ta’ AirBnB, jindika li dan il-fatt, li ħafna mid-djar residenzjali qed jintużaw għal kirjiet qosra, iwassal għal waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin fuq l-impatt fuq dan is-settur, fejn ħafna mid-djar mhux qed ikunu fis-suq għal kiri fit-tul.

Ir-riċerka turi li l-użu ta’ residenzi għal kirjiet għal żmien qasir hu smat li jżid il-prezzijiet reali tad-djar bi 2.8% fuq żmien twil, u li b’mod globali, il-kiri għal żmien qasir huwa ferm aktar profitabbli minn alternattivi ta’ kiri fit-tul.

“Il-kiri għal żmien qasir jista’ jaffettwa l-kwalita’ tal-ħajja tal-komunitajiet, kif ukoll il-prezzijiet residenzjali tal-viċinat u d-disponibbilta’ tal-akkomodazzjoni. Dawk li jfasslu l-politika għandhom jivvalutaw u jistudjaw l-implikazzjonijiet u l-benefiċċji ta’ din l-industrija.’


— Reuben Ellul – Ekonomista prinċipali fl-Economic Analysis Department tal-Bank Ċentrali.

L-istudju jenfasizza li għandu jiġi evitat il-konċentrament ta’ kiri għal żmien qasir, minħabba li l-effetti fit-tul fuq il-komunitajiet u r-residenti jistgħu jaffettwaw il-karattru, ix-xenarju, u l-abbilta’ tal-komunitajiet li jibqgħu jippersistu tul iż-żmien.

Infatti, f’pajjiżi oħra, membri tal-leġiżlatura, bdew jagħmlu limitu fuq in-numru ta’ ġranet li proprjeta’ tista’ tinkera, jew jimponu miżati u taxxi fuq l-ospitanti.

“L-istudji għandhom jivvalutaw jekk dan id-dħul mill-kiri għal żmien qasir huwiex intaxxat, kif għandu jiġi intaxxat, kif ukoll jekk id-dħul iġġenerat minn din it-tassazzjoni huwiex trasferit lill-awtoritajiet bil-kompitu li jindirizzaw il-pressjonijiet iġġenerati minn dan il-kirim jew imurx għand il-komunitajiet u l-kunsilli lokali l-aktar milquta minn dan il-fenomenu”

Mill-istħarriġ li sar ħarġu wkoll numru ta’ punti ewlenin li jixhdu dawl fuq dan is-settur;

  • Aktar minn nofs l-ospitanti tal-AirBnB għandhom tliet propjetajiet jew aktar, bl-analiżi turi li dawn qed jitmexxew bħala operazzjonijiet kummerċjali.
  • L-iktar ospitant li għandu propjetajiet għandu 110.
  • Mill-analiżi li saret jidher illi hemm assimetrija fid-distribuzzjoni tal-qligħ hekk kif l-aqwa 10% tal-ospitanti, jaqilgħu madwar 60% tad-dħul totali f’pajjiiżna.
  • Mit-total ta’ 8,761 proprjetà, 5,532 huma residenzi sħaħ, 2,905 huma kmamar privati, u 324 huma kmamar kondiviżi.
  • Tnejn minn kull tliet proprjetajiet huma appartamenti, segwiti minn djar u townhouses, u vilel.
  • L-aqwa għaxar lokalitajiet huma Tas-Sliema (1,053), San Pawl il-Baħar (994), San Ġiljan (781), il-Mellieħa (448), il-Belt Valletta (434), il-Gżira (433), l-Imsida (355), is-Swieqi (340), iż-Żebbuġ – Għawdex (327) u Wied il-Għajn (275)
  • L-aktar lokalità bi prezzijiet għolja hija l-Għargħur filwaqt li l-irħas hija Santa Luċija.
  • Pool jgħolli l-prezz finali b’21.0% u veduta tal-baħar b’14.0%.
  • Il-biċċa l-kbira tal-proprjetajiet huma disponibbli għall-biċċa l-kbira tas-sena: 6,700 huma disponibbli għal aktar minn 120 jum fissena.