Lokali Unjoni Ewropea

Hemm bżonn ta’ soluzzjoni Ewropea għall-iSLAPP b’mod urġenti – David Casa

“Qegħdin f’sitwazzjoni redikola fejn il-gvern Malti jgħidilna li għandu jkun hemm soluzzjoni Ewropea, u fl-istess ħin il-Kummissjoni Ewropea tgħidilna li m’hemmx bażi legali biex hi tieħu azzjoni u allura huma l-gvernijiet tal-istati membri li għandhom jieħdu azzjoni. Dan għandu jintemm. Soluzzjoni Ewropea hi ġġustifikata u meħtieġa.”

Il-Kwestur tal-Parlament Ewropew u MEP Malti David Casa qal dan waqt diskussjoni ta’ esperti fil-Parlament Ewropew li huwa ospità flimkien ma’ Membri oħrajn.

L-iSLAPP ifissru kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika. Dawn huma tip ta’ kawżi li jiskoraġġixxu, u jbeżżaw kritiċi billi jabbuhom bi spiża ta’ difiża legali enormi sakemm iwaqqfu l-kritika jew l-oppożizzjoni tagħhom.

Il-kawżi SLAPP intużaw f’Malta kontra l-ġurnalista investigattiva maqtula Daphne Caruana Galizia, kif ukoll numru ta’ gazzetti u siti oħrajn. Bħalissa hemm aktar minn 47 kawża kontra Daphne Caruana Galizia, li l-familja tagħha qed ikollhom jiffaċċjaw kontinwament.

Il-MPE David Casa, flimkien ma’ ewro parlamentari oħra, tenna l-impenn tiegħu li jsib soluzzjonijiet għal theddid u forom ta’ fastidju fuq il-ġurnalisti permezz ta’ dawn il-prattiċi abbużivi.

Casa laqa’ l-analiżi ta’ espert legali, ippreżentata minn Dr Justin Borg-Barthet, li stabbilixxa miżuri konkreti li jistgħu jittieħdu biex jindirizzaw il-prattiċi SLAPP. Ingħad ukoll li wieħed jista’ jqis emendi fil-liġijiet tal-UE f’dak li għandu x’jaqsam mal-għażla tal-ġurisdizzjoni u l-liġi applikabbli f’każijiet ta’ defamazzjoni.

“Issa għandna bażi konkreta li fuqha nistgħu nsawwru l-ħidma tagħna”, iddikjara l-MEP David Casa.

Casa ddikjara li l-progress s’issa kien kajman wisq u talab lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida biex iżżid l-isforzi tagħha f’dan il-qasam.

“Ir-rieda politika biex tinstab soluzzjoniji kienet ftit wisq mill-Kummissjoni li ser tispiċċa dalwaqt. Dan il-Parlament huwa impenjat li jtemm it-theddid fuq il-ġurnalisti permezz ta’ dawn it-tattiċi qarrieqa. Nisperaw li l-Kummissjoni l-ġdida, fl-aħħar, tieħu l-azzjoni li aħna ilna nitolbu.

Għandna wkoll inħarsu lejn il-politiki li qed jiġu adottati f’ġurisdizzjonijiet barra mill-Unjoni Ewropea. Hemm opportunitajiet biex nifhmu aktar x’inhuma l-aħjar prattiċi u nirreplikaw tali prattiċi hawnhekk.

Irridu nkunu lesti wkoll li nirrikonoxxu dawn il-prattiċi abbużivi meta narawhom u nidentifikawhom. L-oppożizzjoni pubblika kontra SLAPP tista’ tegħleb parzjalment l-iskop tagħhom.”

Dan l-avveniment kien ko-ospitat minn David Casa flimkien mal-ewro parlamentari Viola Von Cramon-Taubade (Ħodor / EFA) u Stelios Kouloglou (GUE / NGL). L-avveniment kien organizzat miċ-Ċentru Ewropew għall-Ġurnaliżmu u l-Media Ħielsa, flimkien ma’ Artiklu 19, l-Inizjattiva ta’ Difiża Legali għall-Media, il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalista, l-Indiċi dwar iċ-Ċensura, l-Istitut Internazzjonali tal-Ġurnalisti, l-Kumitat li Jipproteġi lill-Ġurnalisti, il-Free Press Unlimited, Global Witness, Greenpeace International, PEN International, il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, Osservatorio Balcani e Caucoso Transeuropa and l-Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri.

Il-kelliema kienu jinkludu lil Corinne Vella, li tirrappreżenta l-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia, Gil Philips mill-Guardian u Dr Justin Borg-Barthet, Senior Lecturer fl-Università ta’ Aberdeen.