Emanuel Borg wieġeb mhux ħati wara li tressaq il-Qorti akkużat bl-attentat ta’ qtil ta’ martu Maria Dolores Borg u li darabha gravi. L-allegat attentat seħħ nhar it-Tnejn, meta l-mara instagħbet mill-Pulizija mimlija demm, b’daqqiet ta’ martell f’rasha, f’darha stess.
Borg kien akkużat li ma wettaqx id-delitt għal kollox minħabba xi ħaġa aċċidentali u indipendenti mill-volontà tiegħu. Ir-raġel, pensjonant iżda jaħdem fir-raba’, kien akkużat ukoll li ġarr sikkina u heddidha, anke jekk kienet provokatu.
Skont il-prosekuzzjoni, nhar it-Tnejn il-Pulizija rċeviet telefonata li kien hemm raġel li sawwat il-mara, u li kawża ta’ dan il-mara sofriet diversi ġrieħi f’wiċċha. Dakinhar l-akkużat ammetta li taha diversi daqqiet ta’ martell lil martu.
Min-naħa tagħha, id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, liema talba oġġezzjonat għaliha l-Prosekuzzjoni minħabba li skontha l-aġir kien gravi.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qalet li l-każ huwa ta’ natura serja u ċaħdet it-talba tal-ħelsien mill-arrest u rrakkomandat li Borg jinżamm f’Monte Carmeli.
//= $special ?>