Sport Sport Ieħor

Jean Paul Grech jirbaħ l-ewwel attività ta’ klassi A Modified tal-kampjonat Autocross

(Ritratt: Mario Micallef)

Il-Ħadd li għadda fetaħ l-istaġun tal-karozzi Autocross bl-ewwel attività mill-kampjonat nazzjonali Pasta Poiatti. B’kollox irreġistraw 18-il karozza maqsuma fil-klassijiet Modified u Standard.

Fil-Klassi A Modified, Jean Paul Grech fuq Peugeot 106 kiseb l-ogħla punteġġ tal-ġurnata. Miegħu kkwalifikaw Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta, Gordon Johnson, Karl Micallef u Andrew Pisani fuq Opel Corsa u Ivan Birmingham fuq Suzuki Swift. Fil-finali, Grech kiseb l-ewwel rebħa tal-istaġun segwit minn Pisani u Johnson rispettivament. Scicluna temm ir-raba’ segwit minn Micallef, b’Ivan Birmingham jirtira minħabba ħsara mekkanika.

Fil-finali ta’ Klassi B, Jurgen Cassar fuq Opel Corsa ħareġ rebbieħ segwit minn Jonathan Camilleri fuq Opel Nova u Noel Zammit fuq Fiat Punto. Dan minkejja li Zammit kellu jirtira fl-ewwel dawra minħabba ħsara mekkanika fil-magna. Iżda kuntatt anti-sportiv minn Alan Muscat fuq Peugeot 205 ħalla lil Camilleri wieqaf, b’Muscat jiġi sospiż mir-referee tal-ġurnata. Inċidentalment, Cassar waqaf wara t-tielet dawra minħabba ħsara wkoll.

Fil-Klassi Standard, Kyle Agius fuq Opel Nova rebaħ it-tellieqa segwit minn Nicovich Chircop u Jerome Peplow fuq Peugeot 106 u Kia Avella rispettivament. Chircop kellu ħruġ mill-aqwa iżda ftit qabel intemmet l-ewwel dawra, Agius ħa l-Joker Lap u mar fuq quddiem. Chircop għamel azzjoni anti-sportiva fuq Agius, bir-referee tal-ġurnata jwissi lil tal-ewwel bil-bandiera tat-twissija. Il-finali kompliet u ma kienx hemm tibdil sal-aħħar.

Attività oħra tal-Autocross mistennija ssir il-Ħadd 24 ta’ Novembru. Il-programm jibda fl-10.00am b’quddiem għall-membri tal-ASMK li mietu.

Aktar informazzjoni tista’ tinstab fis-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni www.asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, b’email fuq info@asmk.org.mt jew fuq 99425489.

Il-Ħadd jibda l-Kampjonat Enduro

Il-Ħadd li ġej jiftaħ il-kampjonat nazzjonali WotoMoto Enduro. Dan il-kampjonat għandu s-sapport ta’ diversi sidien ta’ barrieri madwar Malta u Għawdex u se jkun mifrux fuq sitt attivitajiet, waħda minnhom f’Għawdex. L-attività tal-Ħadd li ġej se ssir fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali u tibda fl-10.00am.

Id-ditta BETA mill-kumpanija WotoMoto Limited, se terġa’ tkun l-isponsor ewlieni għat-tielet sena konsekuttiva. Proprju l-Ħadd li ġej, se ssir tiġrija kontra l-arloġġ mill-kompetituri kollha fuq il-korsa li tiġi ffurmata apposta. Is-sewwieq li jirreġistra l-aħjar ħin fit-tiġrija jkun dikjarat rebbieħ u minbarra t-trofew tal-ġurnata, jieħu miegħu wkoll mutur BETA ġdid. Dan il-mutur jingħata għal sena lir-rebbieħ biex jipparteċipa bih fl-istaġun kollu, kif ukoll jagħmel it-taħriġ meħtieġ bi preparazzjoni għal kull attività li ssir.