Sport Waterpolo

Lazarevic jinħatar kowċ ta’ Valletta United

Il-kowċ Srdjan Lazarevic se jkun qed imexxi lil Valletta United minn Jannar li ġej bl-għan li l-klabb Belti jirritorna jikkompeti fost l-aqwa timijiet. Lazarevic li hu Montenegrin, ħadem fl-aħħar snin mas-settur taż-żgħażagħ ta’ Jadran Herceg Novi u kien anki assistent kowċ tat-tim ewlieni.

Valletta ġejjin minn staġun diżappuntanti hekk tilfu posthom fil-Kampjonat Premier u ma rnexxielhom jiksbu l-ebda unur fl-Ewwel Diviżjoni. L-istaġun beda taħt it-tmexxija ta’ Bogdan Rath li iżda spiċċa mill-kariga fil-bidu ta’ Lulju. L-assistent kowċ Joe Sciortino mexxa lit-tim sa tmiem l-istaġun.

Il-Beltin taħt il-Presidenza ta’ Victor Spiteri, għamlu tliet akkwisti importanti wara tmiem l-istaġun. Huma assiguraw il-firma tal-veterani Michele Stellini, Edward Aquilina kif ukoll Niki Lanzon li xahar qabel kien ħabbar li se jirtira. Dawn għandhom jgħinu lil Lazarevic biex jifhem aktar il-logħba Maltija.