Lokali

Mozzjoni tal-Oppożizzjoni biex il-Prim Ministru jneħħi liċ-Chief of Staff Keith Schembri

Il-mozzjoni tressqet mill-Kap tal-PN Adrian Delia b’appoġġ unanimu tal-Grupp Parlamentari

Wara li nhar it-Tnejn, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri waqqa’ l-libell li fetaħ hu stess kontra l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, l-Oppożizzjioni Nazzjonalista ppreżentat lill-Ispeaker tal-Kamra mozzjoni fejn qed titlob li l-Prim Ministru Joseph Muscat jagħmel dak li hu d-dmir tiegħu u jerfa’ r-responsabbiltà politika billi jneħħi minnufih lil Keith Schembri mill-pożizzjoni li għandu fl-Uffiċju tal-Prim Ministru.

Il-mozzjoni tgħid li Keith Schembri għamel diversi tentattivi, kemm nhar it-Tnejn kif ukoll qabel biex ma jixhidx fl-istess libell li fetaħ hu stess, minkejja stqarrijiet li hu kien se juża l-libell biex inaddaf ismu.

Tfakkar li Keith Schembri hu msemmi f’emails li jindikaw ċar li kien se jirċievi fondi minn 17 Black u Mc Bridge, u li minkejja d-diversi opportunitajiet li kellu, qatt ma ta spjega dwar dawn il-fatti inkwetanti, aktar w’aktar meta wieħed iqis il-pożizzjoni pubblika tiegħu.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li nhar it-Tnejn il-Prim Ministru falla milli jkeċċi lil Keith Schembri, minkejja t-talba tal-Oppożizzjoni biex jagħmel dan u minkejja li din hi r-responsabbiltà politika tiegħu.

Adrian Delia qal li l–Oppożizzjoni se tinsisti li l-mozzjoni tiġi diskussa b’urġenza, iżda mhux se tieqaf hawn.  L-Oppożizzjoni, se tkompli tiġġieled biex turi lil dan il-Gvern ta’ dak li hu, biex fl-aħħar dan il-pajjiż jerġa’ jibda jissaffa.

Jakkumpanjaw lil Adrian Delia fil-konferenza tal-aħbarijet kien hemm il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius u l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar.