Fl-2015, it-18 ta’ Novembru ġie ddikjarat bħala l-Jum Ewropew għall-Protezzjoni tat-Tfal mill-Isfruttament Sesswali u mill-Abbuż Sesswali mill-Kunsill tal-Ewropa.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal, fi stqarrija spjega li t-tfal spiss jingħataw il-ġenb fi kwistjonijiet li jirrigwardawhom u b ‘hekk għandhom jingħataw il-mezzi, l-opportunità u s-sapport biex jipparteċipaw fit-tfassil u t-twettiq ta’ miżuri, politiki, programmi u inizjattivi oħra bil-għan li nipprevjenu u naġixxu kontra l-isfruttament u l-abbuż sesswali.
U dan għaliex it-tfal kollha għandhom id-dritt li jgħixu ħajja ħielsa minn dan it-tip ta’ abbuż li jista’ jkollu effetti dejjiema fuqhom.
L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal appella lill-entitajiet u l-għaqdiet kollha flimkien mal-professjonisti, edukaturi, ġenituri u voluntiera biex jissalvagwardjaw id-dritt ta’ kull tifel u tifla għall-parteċipazzjoni hekk kif stabbilit fil-Konvenzjoni.
Sussugwentament, hija r-responsabbiltà tal-adulti kollha li jiżguraw li tfal ikollhom sehem fid-deċiżjonijiet kollha li jaffettwawhom direttament jew indirettament.
It-tfal għandhom minn età bikrija jiġu mgħallma dwar x’ tip ta’ mġiba tista’ twassal għal abbuż. Matul il-jiem li ġejjin, l-Uffiċċju se jkun qed iqassam kopji ta’ Kiku u l-Id, pubblikazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, lit-tfal kollha fl-ewwel sena tal-Kinder. Dan huwa ktieb bi storja għat-tfal, b’taqsima għall-ġenituri li għandha l-għan li tgħin il-ġenituri jkollhom diskussjoni mat-tfal tagħhom dwar x’inhi mġiba aċċettabbli u x’inhi mġiba mhux aċċettabbli.
Huwa stmat li madwar terz mit-tfal li ġew abbużati ma jaqsmux l-esperjenzi tagħhom ma’ ħadd. Għaldaqstant, l-Uffiċċju jisħaq l-importanza li l-adulti jissaportjaw lil uliedhom sabiex jirrapportaw dan l-abbuż.
Kull min jaf dwar xi abbuż li qed isir fuq tfal għandu d-dmir li jirrapporta. Dan jista’ jsir billi wieħed iċempel il-linja telefonika għall-għajnuna 179.
Dan l-appell qed isir fl-okkażjoni tat-30 Anniversarju tal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tat-Tfal bit-tema speċifika “Nagħtu s-Setgħa lit-Tfal biex Tieqaf il-Vjolenza Sesswali”.
//= $special ?>