Sport Waterpolo

Neptunes jikkonfermaw ukoll lill-istilla Ungeriża Varga għal sentejn oħra

Iċ-champions lokali Neptunes komplew juru l-intenzjonijiet tagħhom li jibqgħu fil-quċċata tal-waterpolo lokali hekk kif ħabbru li l-istilla Ungeriża Denes Varga se jilgħab magħhom sentejn oħra. B’hekk it-tim tal-Balluta għandu l-barranin lesti għaż-żewġ kampjonati li ġejjin. Is-sena d-dieħla se jilagħbu magħhom Darko Brguljan u Paulo Obradovic filwaqt li fl-2021 ma’ Varga, se jingħaqad miegħu l-Montenegrin Aleksandar Ivovic.

Varga għamel isem għalih innifsu matul iż-żmien b’diversi unuri mirbuħa fuq livell ta’ klabb u tat-tim nazzjonali. Mal-Ungerija, hu kien parti mit-tim li rebaħ il-midalja tad-deheb fl-Olimpjadi ta’ Beijing fl-2008 kif ukoll il-Kampjonat tad-Dinja f’Barcelona fl-2013.

Dan minbarra li flimkien mat-tim nazzjonali spiċċa darbtejn it-tieni fil-Kampjonati tad-Dinja, tliet darbiet fit-tieni post tal-FINA World League, darba t-tieni fit-Tazza tad-Dinja, kif ukoll darbtejn it-tieni u tliet darbiet it-tielet fil-Kampjonat Ewropew. Fuq livell ta’ klabb, Varga dejjem lagħab fl-Ungerija b’eċċezzjoni ta’ erba’ snin ma’ Primorje Rijeka fejn hemm ukoll rebaħ il-kampjonat Kroat fl-2014.

Hu rebaħ il-kampjonat Ungeriż erba’ darbiet ma’ Vasas SC bejn l-2007 u l-2010 u fl-aħħar ħames staġuni, tliet darbiet ma’ Szolnoki Dozsa u darbtejn ma’ Ferencvaros. Ma’ dawn iż-żewġ klabbs rebaħ il-LEN Champions League fl-2017 u fl-2019. Fuq livell individwali, Varga wkoll kiseb diversi unuri, fosthom darbtejn il-Plejer tas-Sena tal-Ungerija fl-2014 u fl-2018 u fl-2013 rebaħ il-Plejer tas-Sena tal-LEN u tal-FINA.