Lokali

‘Ningħaqdu mad-Dimostrazzjoni tas-Sibt’ – PN

Il-Partit Nazzjonalista qed isejjaħ lill-poplu biex jingħaqad mad-dimostrazzjoni li se ssir fil-Belt Valletta nhar is-Sibt li ġej filgħaxija bħala protesta kontra l-korruzzjoni u kontra l-Gvern li qed jibqa’ ċċassat dwarha. Il-Partit Nazzjonalista qed jappoġġja l-inizjattiva ta’ Repubblika u Occupy Justice li qed jorganizzaw id-dimostrazzjoni. Id-deċiżjoni ittieħdet illum wara nofs in-nhar fil-Kunsill Amministrattiv fuq talba tal-Kap Adrian Delia.

Jumejn ilu fil-Qorti ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri f’kawża li għamel hu stess kontra Simon Busuttil irrifjuta li jwieġeb mistoqsijiet ta’ Dr Peter Fenech u Dr Jason Azzopardi, l-avukati ta’ Dr Busuttil. Wara li ġie ordnat mill-Qorti sabiex iwieġeb, Keith Schembri, minflok, beża u ċeda l-kawża. 

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kap tiegħu Adrian Delia mill-ewwel ikkundanna dan l-aġir u talab għar-riżenja jew tkeċċija immedjata ta’ Keith Schembri. It-Tnejn stess fil-Parlament hekk kif bdiet is-seduta, l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia talab li l-Prim Ministru jagħmel stqarrija fil-Parlament dwar dak li kien seħħ fil-għodu fil-Qorti imma l-Prim Ministru rrifjuta.

Kien għalhekk li Adrian Delia meta qam biex jitkellem fuq l-Abbozz ta’ Liġi dwar l-Ugwaljanza insista li f’demokrazzija vera mhux aċċettabli li l-Prim Ministru jibqa’ jżomm lil Keith Schembri fil-kariga pubblika tiegħu. Delia sosta li f’dan il-każ għandu jkun Keith Schemrbi stess li jkollu id-diċenza u jirrizenja. Jekk le, għandu jiehu l-passi il-Prim Ministru.  

Ilbieraħ filgħaxija fl-Aġġornament tal-Kamra Simon Busuttil sostna t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia magħmula fil-ġurnata ta’ qabel biex Keith Schembri jirriżenja. Il-Partit Nazzjonalista jinsisti li l-Prim Ministru ma fadallux triq oħra ħlief li jkeċċi lil Keith Schembri. Il-Partit Nazzjonalista jikkundanna l-aġir tal-Prim Ministru li jibqa’ jippersisti fid-difiża tal-korruzjoni propju waqt li r-reputazzjoni ta’ pajjiżna għaddejja mill-agħar perjodu tagħha minħabba l-abbużi u l-korruzzjoni tal-Gvern. 

Għalhekk il-Partit Nazzjonalista qed iħeġġeġ lill-Maltin u l-Għawdxin biex nhar is-Sibt filgħaxija għalenija jidħlu l-Belt kif se jagħmel il-PN u jipprotestaw bil-qawwa kollha. Sadanittant il-Grupp Parlamentari ltaqa’ b’urġenza u qabel unanimament li jressaq mozzjoni biex il-Parlament jitlob lill-Prim Ministru jneħħi lil Keith Schembri minn kariga pubblika sensittiva f’wieħed mil-għola Uffiċċji Ezekuttivi tal-pajjiż.