Lokali

Residenti kontra l-proġett ta’ estensjoni tal-AUM

11-il NGO, fosthom tnejn b’rabta diretta mal-Kottonera, qed jappellaw lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla biex jitkellem f’isimhom u joġġezzjona għall-proposti ta’ estensjoni tal-Università tal-Ġordaniżi.

L-NGOs – Azzjoni: Tuna Artna Lura, Forum Komunità Bormliża, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Friends of the Earth Malta, Futur Ambjent Wieħed, International Tree Foundation Malta, Moviment Graffitti, The Archaeological Society Malta, The Ramblers’ Association Malta u Żminijiet – oġġezzjonaw għall-fatt li se jintilfu għadd kbir ta’ spazji pubbliċi, kif ukoll xeni relatati ma’ binjiet storiċi u ta’ wirt kulturali.

Minbarra lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla, l-ittra ntbagħtet ukoll lid-Deputati tat-tieni distrett, kif ukoll lill-Ministri Ian Borg u Owen Bonnici.

Punt ieħor li oġġezzjonaw dwaru l-NGOs hu l-fatt li l-bini propost se jkun qed jirrovina wkoll l-estetika taż-żona, b’bini li mhux se jkun qed isegwi l-politika dwar il-Konservazzjoni Urbana. It-tliet punti huma l-kontenut ta’ petizzjoni ffirmata minn 2,759 persuna.

Fl-ittra kienu nnutati wkoll problemi oħrajn li se jispiċċaw ma’ wiċċ il-Bormliżi, fosthom dawk relatati mas-sistema tad-drenaġġ fil-Baċir Numru 1, l-aċċess għall-Kosta u l-parkeġġ, kif ukoll il-problemi li se jkunu qed isibu ma’ wiċċhom l-istudenti.

Il-11-il NGO appellaw għal kwalunkwe forma ta’ appoġġ mill-Kunsill, b’risq il-komunità tal-Kottonera. L-appell kien estiż ukoll għal rappreżentanti ta’ awtoritajiet lokali, li wkoll għandhom jaraw li l-karba tal-poplu tal-Kottonera jkun mismugħ.